Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja għażiża tat-Tabib Carmel Vella

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja għażiża tat-Tabib Carmel Vella.  Sa mill-bidu tal-ħidma tiegħu bħala tabib privat tal-familja fis-sena 1977, it-Tabib Carmel Vella offra wkoll is-servizzi tiegħu b’mod volontarju lid-Dar.

Fit-13 ta’ Mejju 2001 ingħata l-Premju Mons. Mikiel Azzopardi bħala rikonoxximent għas-servizzi mediċi tiegħu lir-residenti tad-Dar. Huwa kien assista wkoll lil Mons. Mikiel Azzopardi, fundatur tad-Dar tal-Providenza fl-aħħar ġranet ta’ ħajtu u kien miegħu meta miet sbieħ it-13 ta’ Mejju 1987.

It-Tabib  Vella twieled fis-26 ta’ April 1939 u gradwa bħala tabib mill-Università ta’ Malta fl-1964.  Huwa kien attiv f’diversi kumitati fosthom fil-Malta Medical Students’ Association.  Kien attiv ukoll fis-servizz tal-Bank tat-Trasfużjoni tad-Demm u kien involut  ukoll mal-Bank tad-Demm tas-S.M.O. Mis-sena 1977 sas-sena 1987 kien membru tal-Kumitat tal-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta (MAM).

Inwasslu t-talb u l-kondoljanzi sinċieri tagħna lil martu Gillian u lil uliedu Adrian, Mark u Roseanne u l-familjari.

Agħtih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.