“Kun providenza għal ħaddieħor” – Fr Martin f’għeluq sninu
Dan huwa messaġġ mill-qalb mingħand Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, f’għeluq sninu nhar l-10 ta’ Novembru 2020.
“F’għeluq snini nixtieq nirringrazzja ‘l Alla għad-don tal-ħajja u għall-grazzji kbar li tani f’ħajti. Trabbejt f’familja b’valuri tajba, sejjaħli biex naqdieh bħala saċerdot, iltqajt ma’ ħafna nies li kienu ta’ ispirazzjoni għalija u rċevejt minn għandhom ħafna mħabba. Din is-sena nirringrazzjaħ b’mod speċjali għall-grazzja tal-fejqan mill-kanċer.
L-isbaħ rigal li tistgħu tagħtuni fil-birthday ta’ din is-sena hu li min jista’ jmur jagħti d-demm fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa. Meta kont qed nagħmel it-trattament kelli bżonn tliet boroż demm. Fil-fatt, aktar minn 30% tat-trasfużjonijiet tad-demm isiru lil pazjenti fit-taqsimiet tal-onkoloġija u l-ħematoloġija. Il-pazjenti morda bil-kanċer ikun jinħtiġilhom trattamenti li kapaċi jieħdu s-snin u dan jinkludi fost oħrajn trasfużjonijiet ta’ prodotti varji ta’ demm. Illum naf mill-esperjenza x’differenza tista’ tagħmel borza demm fit-triq għall-fejqan mill-kanċer. Naf ukoll li bħalissa hemm bżonn urġenti ta’ ħafna demm. Taħsibiex darbtejn u mur agħti demm.
L-għoti tad-demm lil xi ħadd li ma tafx min hu jew min hi, hu ġest nobbli ħafna. Nirringrazzja li dawk il-persuni li b’mod anonimu taw id-demm lili. Il-Mulej iroddilkom għal mitt darba l-karità tagħkom. L-ogħti tad-demm hu wkoll sinjal tal-providenza ta’ Alla. Kun providenza għal ħaddieħor.”
This post is also available in: English