L-Isqof Charles J. Scicluna jinawgura wirja tal-Arti b’risq id-Dar tal-Providenza

It-Tnejn 9 ta’ Diċembru 2013, l-Isqof Awżiljarju Mons Charles J. Scicluna inawgura wirja tal-arti fil-Mużew Wignacourt faċċata tal-ġenb tal-Knisja ta’ San Pawl fir-Rabat. Madwar sittin artist lokali taw biċċiet tal-arti biex jiġu rkantati fl-Ewwel tas-Sena bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità organizzata minn RTK4Charity b’risq id-Dar tal-Providenza.

Meta kien qed jiftaħ uffiċjalment il-Wirja, l-Isqof Scicluna wera l-gratitudni tiegħu lejn l-artisti li ddeċidew li jinfatmu mix-xogħlijiet tagħhom tal-arti biex jinbiegħu waqt irkant għal kawża ġusta li hi Id-Dar tal-Providenza. Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar, tkellem dwar il-piż finanzjarju li d-Dar terfa’ biex toffri u ttejjeb is-servizzi li toffri imma saħaq ukoll fuq l-importanza li nkomplu nirsistu għal inklużjoni sħieħa tal-persuni b’diżabilità f’kull aspett tal-ħajja politika, soċjali, ekonomika, kulturali u reliġjuża tagħna.

Il-wirja se tkun miftuħa kuljum bejn l-10 u t-27 ta’ Diċembru (minbarra f’Jum il-Milied) bejn id-9.30am u l-4.30pm.

L-irkant qed isir on-line u wieħed jista’ diġà jagħmel l-offerta tiegħu fuq www.dtpauction.com . Fl-Ewwel tas-Sena jkun hemm il-possibiltà li wieħed jagħmel il-bid tiegħu bit-telefown jew billi jżur id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi fejn tkun għaddejja l-Festa ta’ Ġenerożità.