Mons. Arċisqof jiċċelebra quddiesa b’tifkira tal-25 Anniversarju tal-Ordinazzjoni saċerdotali ta’ Fr Martin Micallef u sħabu

Dalgħodu, Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar fil-bidu tal-jum li fih se ssir il-maratona televiżiva li tibda f’nofsinhar għall-ġbir ta’ fondi b’risq id-Dar imma wkoll biex jitfakkar l-għeluq tal-25 Anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali ta’ Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza u sħabu s-saċerdoti li erba’ minnhom: Dun Marco Portelli, Dun Charles Attard, Patri Mark Ciantar OFM u Patri Stephen Sciberras OFM kienu preżenti. Patri Alex Cauchi, kappillan Agostinjan ma setax jattendi minħabba ħidma pastorali. Mons. Arċisqof fakkarhom f’dak li kien jgħid San Ġorġ Preca f’okkażjonijiet ta’ anniversarji: “Grazzi Sinjur Alla, aħfirli Sinjur Alla.”
Fil-katekeżi tiegħu dwar il-Kelma t’Alla tal-Erbatax-il Ħadd taż-żmien ta’ matul is-Sena, Mons. Arċisqof tkellem dwar il-fixla ta’ dawk li f’Nażaret għexu ma’ Ġesù għal seba’ u għoxrin sena sħaħ. Dawk li kienu quddiemu fis-Sinagoga tfixklu għax għalihom quddiemhom ma kienx hemm il-mastrudaxxa ta’ Nażaret imma l-profeta li kien qed jitkellem f’isem Alla.
L-Arċisqof fakkar li l-ġenerazzjoni tagħna mhi xejn differenti minn dawk li “skandalizzaw ruħhom minħabba fih” għax bosta drabi aħna wkoll nitfixklu meta nisimgħu lil min ikellimna fuq il-Mulej għax aktar niffokaw fuq min qed ikellimna milli fuq x’qed jgħidilna.
Is-somma miġbura minn din il-maratona se tmur biex fost oħrajn ikun jista’ jitnieda proġett ta’ immodernizzar ta’ erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni biex kull persuna jkollha ambjent dejjem aktar dinjituż bħal bi kmamar personali mgħammra bis-servizzi meħtieġa.

Il-parti mportanti tal-ġbir tal-flus għad-Dar inklużi l-appelli, telefonati eċċetra se ssir fl-istudios ta’ We f’Ħal Qormi bejn nofsinhar u nofsillejl.
Min jixtieq jagħmel donazzjoni jista’ jagħmel dan billi jidħol fil-website www.sabihlitaghti.com fejn hemm id-dettalji kollha kif jistghu isiru donazzjonijiet.