Onorifiċenza Mertu Siġġiewi għal Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ippreżenta lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, bl-Onorifiċenza Mertu Siġġiewi għall-ħidma tiegħu fid-Dar kif ukoll fil-komunità tas-Siġġiewi. Din is-sena, Fr Martin jagħlaq għaxar snin fit-tmexxija tad-Dar wara li f’Ottubru 2008 inħatar Direttur ġdid mill-Arċisqof, illum Emeritu, Mons Pawl Cremona OP wara Mons Lawrence Gatt li nħatar Kanċillier tal-Arċidjoċesi.

Dun Martin Micallef, iben John Micallef u Jane nee Bugeja twieled Ħal Luqa fl-10 ta’ Novembru 1967. Wara l-istudji tiegħu fl-iskola Primarja ta’ Ħal Luqa, is-Seminarju Minuri u l-Liċeo l-Ġdid hu daħal fis-Seminarju Maġġuri tal-Arċisqof biex iħejji ruħu għas-saċerdozju. Hu kiseb il-grad fil-livell ta’ Baċellerat mill-Università ta’ Malta fil-Filosofija u t-Teoloġija u l-liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali. Hu kien ordnat djaknu fil-25 ta’ Novembru 1994 fil-Parroċċa ta’ Ħal Luqa u ordnat qassis fil-5 ta’ Lulju 1996. Hu serva bħala viċi-parrokku fil-parroċċa tal-Ibraġġ u aktar tard kappillan ta’ Ħal Għaxaq (2000-2005) u Marsaskala (2005-2008). Mill-2004, Fr Martin serva bħala membru tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, illum Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, fejn jirrapreżenta l-Knisja f’Malta. Hu wkoll membru tal-Kummissjoni Pastorali għall-Persuni b’Diżabilità.

Is-serata għall-għoti tal-Onorifiċenza Mertu Siġġiewi saret ix-xahar li għadda fl-Iskola Primarja tas-Siġġiewi, taħt il-Patroċinju tal-eks-Speaker tal-Kamra tad-Deputati, is-Sur Anton Tabone.

F’diskors li għamlet, is-Sindku tas-Siggiewi, Alessia Psaila Zammit tkellmet dwar il-hidma u l-pjani tal-Kunsill Lokali fosthom investiment f’aktar toroq u l-infrastruttura, fl-attivitajiet kulturali u ħidma kontinwa biex jiġi mħares l-ambjent u jsir żvilupp sostenibbli fis-Siġġiewi.