Premju Nazzjonali Volontier tas-sena 2024
Tony Sammut, volontier tad-Dar tal-Providenza u ta’ diversi għaqdiet oħra, rebaħ il-Premju Nazzjonali Volontier tas-Sena 2024. Huwa qal li qed, “jiddedika dan il-premju lil ommu, lil missieru u lid-Dar tal-Providenza.” Il-premju ingħata waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2024 organizzata mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju.
Mons. Victor Grech kien mogħti l-Premju Nazzjonali Speċjali għall-ħidma Volontarja 2024. Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta rċieva dan il-Premju f’isem Mons. Victor Grech li kien indispost.
F’messaġġ qasir irrekordjat Mons. Grech qal, “Jiddispjaċini ħafna li ma stajtx inkun magħkom fiżikament. Nirringrazzja lill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat għal dan il-premju speċjali. Il-volontarjat kien u jibqa’ settur għal qalbi għax dejjem emmint fih. Kien permezz ta’ grupp żgħir ta’ volontiera li bdew is-servizzi fi ħdan il-Caritas b’risq persuni fil-bżonn. Inħeġġeġ li tibqgħu tgħożżu u taħdmu sabiex dan is-settur jibqa’ jiġi rikonoxxut u apprezzatt. Nistieden lil kull min jista’ biex jimpenja ruħu f’xi għaqda jew imidd idejh biex jgħin lil xi ħadd vulnerabbli. Permezz tal-volontarjat tirċievi aktar milli tagħti. Nirringrazzjakom mill-ġdid u napprezza ħafna dan il-premju. Tisljiet minn qalbi.”
Premjijiet oħra ingħataw lil:
- Dylan Farrugia volontier fi ħdan il-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija li rebaħ il-Premju Volontier Żagħżugħ/a tas-Sena 2024,
- Victoria Fenech volontiera fi ħdan The Malta Rabbit Club rebħet il-Premju Victor Calvagna għat-Tifel/Tifla Volontier tas-Sena 2024,
- Rise Foundation rebħet il-Premju Nazzjonali Speċjali Proġett tas-Sena fis-Settur Volontarju 2023,
- L-għaqda Equal Partners Foundation rebħet il-Premju Għaqda Volontarja tas-Sena 2024.