Residenti mid-Dar tal-Providenza f’pellegrinaġġ f’Lourdes

Residenti mid-Dar tal-Providenza kienu parti minn grupp ta’ persuni b’diżabilità li ħadu sehem fil-pellegrinaġġ annwali ta’ erbat ijiem f’Lourdes għall-pazjenti u pellegrini Maltin organizzat mill-Għaqda Maltija Trasport tal-Morda f’Lourdes (UMTAL). Pellegrinaġġ li l-Arċidjoċesi ta’ Malta ddeskriviet bħala “esperjenza straordinarja ta’ fidi”.

Dan il-pellegrinaġġ tmexxa minn Dun Joe Mizzi, id-direttur spiritwali tal-UMTAL, flimkien ma’ erba’ saċerdoti oħra li ħadu ħsieb l-aspett spiritwali tal-pellegrinaġġ.

Matul il-pellegrinaġġ, il-pazjenti, il-voluntiera u l-pellegrini għexu flimkien l-esperjenza straordinarja tal-fidi u l-imħabba f’Lourdes. Ħadu sehem f’diversi funzjonijiet reliġjużi, fosthom fil-quddiesa internazzjonali u f’quddiesa oħra bil-Malti li minnha jmorru għal Via Crucis, l-Adorazzjoni tal-Ewkaristija Mqaddsa u l-purċissjoni ta’ filgħaxija magħrufa bħala l-Aux Flambeaux. Il-pellegrini ħadu sehem f’ċelebrazzjonijiet li jinkludu s-sagrament tal-qrar u d-dlik tal-morda.

L-UMTAL ilha sa mill-1931 tagħmel dan il-pellegrinaġġ possibbli għal nies li, minħabba problemi ta’ saħħa, isibuha diffiċli jżuru dan is-santwarju qaddis.