Sforz ieħor biex ngħinu lid-Dar tal-Providenza – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles J. Scicluna dalgħodu appella lill-poplu Malti biex jagħmel sforz ieħor biex jgħin lid-Dar tal-Providenza f’dawn iż-żminijiet diffiċli tal-pandemija Covid-19. Huwa saħaq fiq il-barkiet li Alla jagħti fil-kwotazzjoni mill-Ktieb tan-Numri li tgħid li l-Mulej iberikna, jieħu ħsiebna u jagħtina l-paċi.

L-Arċisqof qal li dawk li xi darba jew oħra żaru d-Dar tal-Providenza jifhmu faċilment li l-Mulej juża nies sempliċi biex jagħmel ħwejjeġ kbar. Hekk għamel meta nqeda b’ Dun Mikiel Azzopardi biex iwettaq il-pjan li tinfetaħ dar għal persuni b’diżabilità li tirrispetta d-drittijiet u d-dinjità tagħhom u għal dawn l-aħħar 55 sena r-residenti sabu dar li tirrispetta d-drittijiet u d-dinjità tagħhom. Huwa rringrazzja lill-carers, ħaddiema u volontiera li għal dawn l-aħħar 10 xhur tal-pandemija kienu qed jipproteġu u jieħdu ħsieb saħħet ir-residenti.

Mons. Scicluna rrefera għas-sitwazzjoni tal-pandemija u qal li tteħid tal-vaċċin ma kienx obbligatorju imma huwa wkoll dover li aħna, bħala ċittadini, nkunu kapaċi nieħdu ħsieb tagħna nfusna u ta’ xulxin.

L-Arċisqof iċċelebra quddiesa fil-festa ta’ Marija Omma Alla fil-kappella tad-Dar. Huwa kien mgħejun minn Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija u minn Fr Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali tad-Dar.

This post is also available in: English