Somma rekord ta’ miġbura waqt Festa ta’ Ġenerożità oħra għad-Dar tal-Providenza

€1,255,269 inġabru waqt il-Festa ta’ Ġenerożità organizzata mid-Dar tal-Providenza bl-appoġġ ta’ Radju RTK. It-temp tajjeb għalkemm kemmxejn kiesaħ għen biex għadd kbir ta’ nies marru s-Siġġiewi biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom taħt it-tinda li ttellgħet fil-parkeġġ. Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta w Għawdex organizzaw ġabriet speċjali.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li din il-Festa ta’ Ġenerożità bħal dejjem uriet il-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra wera solidarjetà u ġenerożità mad-Dar. Huwa qal li jħossu kommoss quddiem din is-somma rekord li nġabret u ma jistax ma jirringrazzjax lill-Maltin u l-Għawdxin kollha għall-ġenerożità kbira tagħhom. Huwa wiegħed li dawn il-flus ser jissarfu f’aktar ħidma biex ir-residenti tad-Dar ikomplu jgawdu minn servizzi individwalizzati tal-għola kwalità li jiggarantixxu rispett sħiħ lejn id-dinjità u drittijiet tagħhom. Huwa rringrazzja lill-awtoritajiet ċivili, reliġjużi u politiċi għall-appoġġ tagħhom kif ukoll lil numru kbir ta’ voluntiera li taw is-sehem tagħhom biex għal darba oħra din il-maratona kienet suċċess.

L-ewwel żjara saret minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna li wkoll iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza. Waqt il-omelija, l-Arcisqof qal li “Hemm propjetatjiet ġodda li l-Knisja qegħda tafda lid-Dar tal-Providenza u li l-poplu Malti wkoll qed iħallihom lid-Dar tal-Providenza u li qed jintużaw bħala residenzi tal-persuni b’diżabilita’ fil-komunita’.

Matul il-jum kien hemm żjarat mill-President ta’ Malta, s-Sinjura Marie-Louise Coleiro Preca u s-Sur Preca, il-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat, Dr Owen Bonnici, Ministru għall-Ġustizja, Kultura u Gvern Lokali, id-deputati mexxejja tal-Partit Nazzjonalista s-Sur Robert Arrigo u s-Sur David Agius li rrappreżentaw lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia li jinsab imsiefer, is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, is-Sur Anthony Agius Decelis; is-Segretarju Parlamemtari Għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat, is-Sur Clifton Grima: il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta l-Brigadier Jeffrey Curmi, l-Arċisqof Emeritus Mons Paul Cremona OP, il-Vigarju Ġenerali Mons Joe Galea Curmi kif ukoll il-Kummissjarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità s-Sur Oliver Scicluna. Attendew ukoll għadd ta’ membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati, rappreżentanti tal-partiti politiċi u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti. Mid – Diocesi ta’ Ghawdex, ingabret is-somma ta’ €20,967.43.

Bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità, nġabret is-somma ta’ €34,300 mill-irkant ta’ xogħlijiet artistiċi mogħtija minn aktar minn mitt artisti Maltin u barranin. Ħafna kienu dawk li għamlu l-offerti tagħhom online imma l-maġġoranza żaru d-Dar tal-Providenza.

Ix-xandira televiżiva bdiet fid-9.00am b’quddiesa mill-kappella tad-Dar u baqgħet sejra sa wara nofsillejl meta tħabbret is-somma totali fost ferħ u briju ta’ l-għadd kbir ta’ voluntiera li taw ħinhom għal din il-Festa ta’ Ġenerożità. Il-Maratona kienet trasmessa dirett fuq TVM, TVM2, ONE TV u NET TV. Matul ix-xandira kien hemm spettaklu ta’ kant u żfin minn kantanti u żeffiena ewlenin.