Wirja ta’ Xogħlijiet tal-Arti b’risq id-Dar tal-Providenza fil-Parlament ta’ Malta
Wara waqfa ta’ sentejn, fl-intrata tal-Parlament ta’ Malta ġiet inawgurata wirja ta’ 106 biċċa xogħol tal-arti ġentilment mogħtija minn 84 artisti Maltin u barranin. Dawn ix-xogħlijiet se jiġu irkantati online b’risq id-Dar tal-Providenza fl-1 ta’ Jannar li ġej bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità.
Il-ftuħ uffiċċjali sar mill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia. Fid-diskors tiegħu huwa li qal li “għalkemm din hi ġrajja ta’ 56 sena, aktar milli hi ġrajja tal-imgħoddi tagħna, din hi esperjenza tagħna llum bħala poplu u nazzjon. Il-poplu Malti u Għawdxi għandu qalb sensittiva għall-bżonnijiet ta’ dawk li jeħtieġu l-għajnuna. Din il-kuxjenza favur is-solidarjetà soċjali tikber u tissaħħaħ, dment li lkoll kemm aħna nżommu d-Dar tal-Providenza bħala esperjenza ta’ ħajjitna li permezz tagħha ngħinu lill-persuni b’diżabilità jgħixu b’dinjità.”
Id-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef, irringrazzja lill-iSpeaker li għal darb’oħra aċċetta bil-qalb li l-wirja terġa’ ssir fl-intrata tal-bini tal-Parlament, post ċentrali u aċċessibbli għall-pubbliku fil-Belt Valletta. Bl-appoġġ sħiħ ta’ Dr Farrugia jista’ jingħad li l-wirja saret avveniment annwali għajr għas-sentejn li għaddew meta din l-esibizzjoni kellha titħassar minħabba ċirkustanzi tal-COVID-19.
Din il-wirja, li se tibqa’ sejra sas-26 ta’ Diċembru, hija miftuħa għall-pubbliku bejn id-9.00am u l-5.00pm mit-Tnejn sal-Ġimgħa u bejn id-9.00am u n-nofsiegħa is-Sibt u l-Ħadd. Wieħed ikun jista’ jidħol jara din l-esibizzjoni billi jippreżenta l-Karta tal-Identità kif ukoll iċ-Ċertifkat tal-Vaċċin. Il-katalgu tax-xogħlijiet kollha flimkien ma’ informazzjoni dwar l-irkant jista’ jinstab online fuq www.dtpauction.com jew www.belgraviaauctions.com.
Il-Festa ta’ Ġenerożità tal-ewwel tas-sena b’risq id-Dar tal-Providenza se terġa’ tkun xandira televiżiva bejn nofsinhar u nofsillejl. Din se ssir mill-istudios ta’ We f’Ħal Qormi fejn se jkun hemm ukoll għadd ta’ persuni jwieġbu t-telefonati u jieħdu d-donazzjonijiet. Bħas-soltu se tixxandar ukoll il-Quddiesa mill-kappella tad-Dar fid-9.30am li se tkun iċċelebrata minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna.
This post is also available in: English