Żjarat mill-familjari lir-residenti fid-Dar tal-Providenza

L-amministrazzjoni tad-Dar tal-Providenza introduċiet miżuri ġodda li permezz tagħhom issa jistgħu isiru żjarat mill-familjari tar-residenti wara li jkunu ngħataw appuntament. It-tul taż-żjarat huwa limitat għal 15-il minuti biss.

Diġà saru xi żjajjar u jidher li l-arranġamenti mħejjija intlaqgħu tajjeb kif jidher tajjeb minn dan il-kumment li rċevejna mingħand waħda mill-qraba.

“Prosit tassew ta’ din l-inizjattiva fejn stajt niltaqa’ m’oħti wara ġimgħat sħaħ li ma stajtx immur ħdejha fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi minħabba miżuri meħtieġa biex hi u r-residenti l-oħra ikunu protetti.

Li tajtu smart phone f’kull flett biex inżommu kuntatt mar-residenti diġà kien pass tajjeb f’dawn iċ-ċirkonstanzi straordinarji. Issa, l-amministrazzjoni tad-Dar offriet servizz ieħor biex naraw l-għeżież tagħna. Jien għamilt appuntament u mort hemm u ltqajt ma’ oħti minn wara l-perspex. Kien mument sabiħ ħafna għax rajna lil xulxin u konna viċin ukoll. Grazzi ta’ kull ma qed tagħmlu.”

Iż-żjarat jistgħu isiru matul il-ġimgħa, filgħaxija biss, mill-3.45pm sas-6.00pm filwaqt li s-Sibt u l-Ħadd bejn id-9.30am u l-11.00am kif ukoll bejn l-4.00pm u s-6.00pm.

Il-qraba jistgħu juru x-xewqa tagħhom li jżuru lir-residenti billi jċemplu fuq 2146 2844 u jagħtu d-dettalji tagħhom. Xi ħadd mill-amminstrazzjoni jċemplilhom lura u jagħtihom il-ġurnata u l-ħin ta’ meta jkun sar l-appuntament għaż-żjara tagħhom.
Waħda mill-ewwel miżuri li ħadet id-Dar tal-Providenza biex tissalvagwardja r-residenti u s-Support workers tagħħom mill-imxija tal-Coronavirus kien li jitwaqqfu ż-żjarat mill-familjari u ħbieb li s-soltu jżuruhom fid-djar tagħna. Għaldaqstant, f’nofs ix-xahar t’April, id-Dar investiet f’numru ta’ smart phones biex tassigura li r-residenti li jixtiequ jżommu kuntatt ma’ familjari u ħbieb u viċi-versa jkunu jistgħu jagħmlu dan.