Il-benefatturi tal-grotta tal-Madonna ta’ Lourdes fil-Marsa b’donazzjoni lid-Dar tal-Providenza

Is-Sur Joseph Vella, li jieħu ħsieb il-grotta tal-Madonna ta’ Lourdes fi Triq Diċembru Tlettax fil-Marsa flimkien ma’ ibnu Mario u għadd ta’ volontiera, ippreżenta għotja ta’ €1,140 lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza. Il-preżentazzjoni saret fi tmiem quddiesa kkonċelebrata fil-knisja parrokkjali tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa.

Din is-somma nġabret matul is-sena minn għotjiet li ngħataw fil-grotta minn devoti tal-Madonna ta’ Lourdes.

Dan huwa avveniment ta’ kull sena li beda fl-1981 meta Mons. Mikiel Azzopardi, fundatur tad-Dar tal-Providenza, qaddes l-ewwel quddiesa f’din il-grotta fis-sena li kienet iddedikata għall-persuni b’diżabilità. Minħabba l-miżuri meħuda mill-Awtoritajiet tas-Saħħa marbuta mal-pandemija Covid-19 il-quddiesa kellha ssir fil-knisja parrokkjali minflok fil-grotta stess kif kien isir fl-imgħoddi.

This post is also available in: English