Il-Friends of Providence House NSW b’donazzjoni ta’ $9,000AUD lid-Dar tal-Providenza

Il-grupp Friends of Providence House NSW għamel għotja ta’ $9,000AUD lid-Dar tal-Providenza. Iċ-ċekk ġie ppreżentat waqt il-Maratona ta’ ġbir ta’ fondi li sar nhar il-Ħadd. Din is-somma nġabret f’dawn l-aħħar sentejn u s-soltu kienu jinżlu Malta rappreżentanti tal-grupp biex jippreżentaw id-donazzjoni lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, waqt il-Maratona tal-Volleyball li f’dawn l-aħħar sentejn kellha titħassar minħabba l-pandemija COVID-19.

Il-Friends of Providence House NSW jirringrazzjaw lill-Komunità Maltija fl-Awstralja li għal darb’oħra reġgħet għenet finanzjarjament flimkien ma’ benefattur ġeneruż li xtaq li jibqa’ anonimu. Huma jirringrazzjaw ukoll lill-isponsor ewlieni, George Vella ta’ Breakaway Travel ta’ Blacktown kif ukoll lill-midja Maltija fl-Awstralja, ‘Leħen il-Maltin tal-Awstralja’ u ‘The Maltese E-Newsletter” għall-appoġġ kontinwu tagħhom.

Jim Borg, il-Koorindatur tal-Friends of Providence House NSW, flimkien mat-tim tiegħu, Marisa Previtera (Segretarja) u Miriam Friggieri (Kaxxiera) iżommu kuntatt regolari ma’ Fr Martin u jieħdu ħsieb li kull sena jorganizzaw inizjattivi għal ġbir ta’ flus b’risq id-Dar tal-Providenza.

This post is also available in: English