Id-Dar tal-Providenza tirbaħ il-Premju Ċittadin Ewropew 2021
Il-Parlament Ewropew ħabbar li d-Dar tal-Providenza rebħet il-Premju Ċittadin Ewropew 2021. Din id-Dar ġiet nominata mill-MEPs Roberta Metsola u David Casa, bħala membri tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, għall-proġett imsejjaħ ‘Monument ta’ Ħniena’ – b’referenza għall-ħidma li twettaq din l-organizzazzjoni biex persuni b’diżabilità jgħixu fil-komunità.
Id-Dar tal-Providenza rebħet il-premju wara li kienet fost numru ta’ finalisti li intgħażlu minn fost diversi nominazzjonijiet li tressqu.
Il-kumitat tal-Premju Ċittadin Ewropew 2021 irrikonoxxa li matul l-aħħar 56 sena, d-Dar tal-Providenza pprovdiet akkomodazzjoni lill-persuni b’diżabiltà li ma jistgħux jgħixu mal-familja tagħhom biex ikollhom post fejn jgħixu f’ambjent ta’ familja. Proġett ewlieni li wassal biex id-dar rebħet il-premju kien dak tad-djar fil-komunità, li għandu l-għan biex persuni b’diżabiltà jiġu integrati fil-komunitajiet Maltin minflok jinżammu maqtugħin għalihom – prinċipju li l-Unjoni Ewropea qed tħeġġeġ ħafna biex jiġi prattikat. S’issa, d-Dar tal-Providenza fetħet erbat’ idjar fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, l-Qawra, Birkirkara u ż-Żurrieq u mistennija tiftaħ il-ħames waħda fil-Balluta fil-ġimgħat li ġejjin.
L-ewroparlamentari Metsola u Casa qalu li din hi “aħbar sabiħa li tfisser li l-ħidma imprezzabli li titwettaq b’tant dedikazzjoni minn Fr Martin Micallef u l-kollegi tiegħu ġiet rikonoxxuta fuq livell Ewropew.”
Iċ-ċerimonja li fiha se jkun qed jingħata l-premju lid-Dar tal-Providenza se ssir fi Brussell f’Novembru li ġej.