Il-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza jingħataw l-Onorifiċenza Mertu Siġġiewi

Il-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza ingħataw l-Onorifiċenza Mertu Siġġiewi waqt serata mtellgħa mill-Kunsill tas-Siġġiewi. Il-President Emeritu, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca fil-preżenza tas-Sindku, s-Sur Domenic Grech, ippreżentat l-Onorofiċenza Mertu Siġġiewi lis-Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar f’isem il-ħaddiema kollha.

Il-Prof. Charmaine Gauci, li tgħix is-Siġġiewi, ukoll kienet waħda mill-personalitajiet li ngħataw l-Onorofiċenza tal-Mertu. L-oħrajn kienu l-ex-Arċipriet, Dun Joe Grech, Dr Norbert Bugeja, Mro. Raymond Sant, is-Sur Albert Pace u is-Sur Grezzju Pace (wara mewtu).

Għall-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza, is-sena 2020 ma kinetx waħda normali u lanqas faċli anzi kienet sena mimlija sfidi kbar li ġabet magħha l-pandemija COVID-19. Din kienet tassew sena ta’ sfidi kbar imma sena li uriet il-qalb kbira, id-determinazzjoni, id-dedikazzjoni, il-kreattività u l-ħidma sfieqa tal-ħaddiema tad-Dar. Dawn kienu, għadhom u jibqgħu il-frontliners tad-Dar tal-Providenza u kulħadd jibqa’ jafulhom.