Inawgurata wirja ta’ xogħlijiet tal-arti fil-Parlament ta’ Malta b’risq id-Dar tal-Providenza

F’diskors tal-ftuħ, Fr Martin Micallef, id-Drettur tad-Dar tal-Providenza, ħabbar li kemm ilha ssir din il-wirja ta’ xogħlijiet tal-arti fil‑Parlament, mill‑irkantijiet li saru d‑Dar daħħlet €226,542.

Huwa rringrazzja lill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor. Dott. Anġlu Farrugia, li bħalma għamel għal dawn l-aħħar tmien snin din is-sena reġa’ offra lid-Dar tal-Providenza, il‑bini tal‑Parlament biex tkun tista’ ssir wirja ta’  108 biċċa xogħol tal‑arti mill‑isbaħ kemm ta’ artisti rinomati kif ukoll oħrajn li għadhom fil‑bidu tal‑karriera artistika tagħhom bħal Tonio Mercieca, artist li jpenġi b’ħalqu u li jgħix f’waħda mid‑djar fil-komunità li tmexxi d-Dar tal-Providenza.  Tonio qed jieħu sehem f’din l‑esibizzjoni għall‑ewwel darba.

F’kelmtejn tal-okkażjoni fl-inawgurazzjoni tal-wirja ta’ din is-sena, l-iSpeaker faħħar ix-xogħol imprezzabbli li d-Dar tas-Siġġiewi qed tkompli twettaq fis-soċjetà tagħna u tenna li d-Dar mhux biss hija kenn għall-persuni b’diżabilità, iżda wkoll simbolu tal-imħabba u s-solidarjetà li jgħammar fil-qalb tal-poplu tagħna.

L-iSpeaker qal ukoll li l-wirja artistika hija eżempju ċar tal-ispirtu ġenwin ta’ għaqda u ġenerożità, hekk kif il-kontribuzzjonijiet tal-artisti u l-appoġġ tal-pubbliku jkomplu jagħtu l-ħajja lil din il-missjoni qaddisa. Waqt li irringrazzja lil Fr Martin għall-impenn kontinwu tiegħu,  l-iSpeaker esprima l-fiduċja tiegħu li din l-inizjattiva se tkun suċċess kbir u turi għal darb’oħra l-qawwa tas-solidarjetà tal-poplu Malti u Għawdxi

L‑irkant ta’ dawn ix‑xogħlijiet ser isir online nhar l‑ewwel tas‑sena waqt il‑Festa ta’ Ġenerożità u se jitmexxa minn Belgravia Auctions.   Din il‑wirja se tkun qed terġa’ tittella’ fis‑sala tad‑Dar tal‑Providenza nhar l‑1 ta’ Jannar meta se jkun qed isir l‑irkant.

Fr Martin kompla jgħid li grazzi għall‑appoġġ sħiħ tas-soċjetà Maltija, id‑Dar tal‑Providenza tibqa’ impenjata li tkompli ttejjeb il‑kwalità tal‑ħajja tar‑residenti u s‑servizzi li toffri u anke biex ir‑residenti jkunu inklużi u jipparteċipaw dejjem aktar fil‑ħajja tal‑komunitijiet tagħna.

Huwa temm billi ħeġġeġ lill‑poplu Malti u Għawdxi biex fl‑1 ta’ Jannar  ikompli jagħmel dan waqt il‑Festa ta’ Ġenerożità li din is‑sena se terġa’  ssir fil‑car park tad‑Dar, fis‑Siġġiewi, imma anke permezz tal‑irkant.