Jalla nagħmlu għażliet tajba din is-sena
Fil-bidu ta’ sena ġdida, Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna xtaq joffri lil kulħadd ix-xewqat sbieħ li jinsabu fil-kliem sabih tal-Mulej lil Mosè. “Iħares lejk il-Mulej bi mħabba u jagħtik is-sliem”. Mons. Arċisqof kien qed jikkonċelebra quddiesa fil-jum tal-ewwel tas-sena iddedikat lill-Imqaddsa Verġni Marija, Omm Alla u Jum il-Paċi fil-kappella tad-Dar tal-Providenza. Huwa kien assistit minn Mons.Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Dun Martin Micallef, Direttur tad-Dar, Dun Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali u Dun Josef Mifsud, Arċipriet tas-Siġġiewi.
Mons. Arċisqof qal li l-ħarsa tal-Mulej fuqna hija ħarsa ta’ mħabba għax l-imħabba u l-ħniena jimxu flimkien. Kemm tkun ħaġa sabiħa li ngħallmu lilna nfusna biex nitolbu lill-Mulej ikompli jħarisna. Nitolbuh ukoll jagħtina l-għerf biex insibu l-paċi vera.
Huwa awgura li l-għażliet li nagħmlu din is-sena jkunu għażliet tajba għax x’hemm tajjeb fir-rikreazzjoni li naħsbu li se tagħtina dak li tixtieq qalbna: droga f’kull għamla, xorb żejjed u għażliet oħra li jaljenawna għal ftit taż-żmien imma li ma jagħmlux ħlief ħsara.
Huwa appella biex il-Maltin jerġgħu ikunu ġenerużi mad-Dar tal-Providenza li tant tieħu ħsieb b’għożża u b’imħabba lill-persuni b’diżabilità li huma residenti tagħha.
Il-Festa ta’ Ġenerożita qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha tat-televixin bejn nofsinhar u nofsilejl mill-istudios tal-WE Media f’Ħal Qormi. Għall-konvenjenza tal-pubbliku, fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi hemm drive-through fejn dak li jkun jista’ jagħmel id-donazzjoni tiegħu mingħajr ma joħroġ mill-karozza.
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta
This post is also available in: English