€22,630 għad-Dar tal-Providenza minn103 Malta’s Heart

Somma sabiħa ta’ €22,630 nġabret b’risq id-Dar tal-Providenza matul maratona ta’ 30 siegħa mużika fuq 103 Malta’s Heart.

Il-maratona bdiet fis-6.00am tal-Ħamis, 30 ta’ Diċembru u tmexxiet minn Arthur Caruana akkumpanjat minn żewġ preżentaturi magħrufin Ron Briffa u Ian Busuttil Naudi.  Arthur wera s-sodisfazzjon tiegħu għat-turija ta’ solidarjetà bl-ammont li nġabar u rringrazzja lis-semmiegħa kollha għad-donazzjonijiet tagħhom.

F’diversi waqtiet tal-maratona mużikali saru messaġġi ta’ appoġġ u appelli għall-ġbir ta’ fondi tant meħtieġa. Fosthom kien hemm Mons Arċisqof Charles J. Scicluna, L-Isqof t’Għawdex Anton Teuma, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci u Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar.

Arthur u sħabu esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għal din il-wirja ta’ solidarjetà speċjalment f’sena ddominata mill-pandemijia.

Għada, l-ewwel tas-sena l-ġdida, huwa jum kbir ieħor għas-solidarjetà tal-Maltin u l-Għawdxin mad-Dar tal-Providenza. Bħas-sena l-oħra, minħabba l-pandemija COVID-19, il-Festa ta’ Ġenerożità se terġa’ ssir mill-istudios tal-WE Media f’Ħal Qormi fejn id-dħul se jkun ristrett għall-mistednin li se jwieġbu t-telefonati tad-donazzjonijiet. Fil-parkeġġ tas-Siġġiewi se jkun hemm biss drive-through għal min irid jagħmel donazzjoni mingħajr il-ħtieġa li joħroġ mill-karozza.

Barra minn hekk jistgħu isiru donazzjonijiet b’wieħed minn dawn il-mezzi.

€10         5160 2012

€15         5170 2013

€25         5180 2014

€50         5190 2085

€100       5130 2022

SMS €7   5061 8922

BOV Mobile  7932 4834

Paypal u kontijiet tad-Dar tal-Providenza mal-Banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombark Bank, BNF Bank.

Wieħed jista’ wkoll jibgħat id-donazzjoni tiegħu permezz ta’ ċekk lid-Dar tal-Providenza, Triq Lapsi, is-Siġġiewi  SGW2822. Imma nfakkru li b’direttiva tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ma jistgħux jinħarġu ċekkijiet ta’ €20 jew inqas u mhux se jissarfu mill-banek.

Donazzjonijiet oħra jintlaqgħu fl-uffiċċju tad-Dar tal-Providenza, fi Triq San Pawl il-Belt wara s-Suq, mit-Tlieta sas-Sibt filgħodu bejn id-9:00 am u l-12:00 pm, mill-Paola Catholic Bookshop, Raħal Ġdid, kif ukoll mill-Pjazza tar-Rabat Malta.

This post is also available in: English