Residenta tad-Dar tal-Providenza tmut wara li rriżultat pożittiva għall-Covid-19.

Ir-residenta, li kellha 30 sena, instabet pożittiva nhar it-18 ta’ Frar f’testijiet ta’ rutina li tagħmel id-Dar tal-Providenza.

Il-persuna ttieħdet minnufih l-isptar St. Thomas, bħalma jiġri skont il-protokolli tad-Dar tal-Providenza. Intant, ir-residenti u l-ħaddiema li kienu f’kuntatt mal-persuna li rriżultat pożittiva tpoġġew fi kwarantina preventiva.

Il-persuna mietet il-bieraħ, 24 ta’ Frar u l-funeral tagħha se jsir illum wara nofsinhar fil-Knisja Arċipretali tas-Siġġiewi. Inwasslu l-kondoljanzi lill-familja u lill-ħbieb tagħha.

Id-Dar tal-Providenza tinsab f’kuntatt kontinwu mad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u qed tieħu l-azzjonijiet neċessarji ta’ prekawzjoni sabiex jiġu salvagwardjati s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti u l-ħaddiema kollha.

Fil-fatt il-proċess ta’ tilqim tal-ewwel doża tal-vaċċin beda nhar it-Tnejn 15 ta’ Frar 2021, kemm għar-residenti kif ukoll għall-ħaddiema.

This post is also available in: English