“Hawn għalik, bħal Marija” – Riflessjoni minn Fr Martin Micallef

It-tifkira ta’ Marija Addollorata li f’Malta tradizzjonalment niċċellebraw b’tant devozzjoni l-ġimgħa ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira, din is-sena għalija personali, inħoss li għandha tifsira differenti ferm minn qatt qabel. Għax din is-sena Marija “wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù” (Ġw. 19:25) tfakkarni f’kemm nies waqfu miegħi s-sena l-oħra meta kont għaddej mit-tbatija tat-trattament tal-kanċer.

Marija qrib binha Ġesù msallab isir eżempju mill-isbaħ għalina lkoll, eżempju mill-aqwa tal-qalb kbira tas-samaritan it-tajjeb li fi kliem il-Papa Franġisku fl-Enċiklika riċenti tiegħu, Fratelli Tutti jgħid, “waqaf, resaq qrib tiegħu, dewwielu l-ġrieħi b’idejh stess, ħallas minn butu u ħa ħsiebu.” (63) Imma l-Papa jkompli jgħid li, “fuq kollox tah ħaġa li f’din id-dinja mgħaġġla l-inqas li għandna: tah mill-ħin tiegħu.” (63). Kemm hi sabiħa din li tagħti ftit mill-ħin tiegħek għal xi ħadd li għaddej mill-mard, mis-solitudni jew min xi forma ta’ tbatija.

Fil-ministeru pastorali tiegħi rajt wiċċ it-tbatija f’tant persuni morda fosthom tfal u żgħażagħ, ġenituri li tilfu lil binhom jew binthom f’età żgħira, b’mard jew diżgrazzja, żgħażagħ mifnija bil-viżżju tad-droga, fost oħrajn. Quddiem dawn is-sitwazzjonijiet tad-Duluri ta’ żmienna dejjem fhimt il-bżonn li nkun qrib ta’ dawn in-nies f’dawn il-mumenti diffiċli u dejjem għamilt li stajt biex inkun magħhom. Madanakollu, issa li esperjenzajt ir-rigal kbir tal-appoġġ uman fi żmien meta keelu bżonnu l-aktar, qatt daqs illum ma stajt napprezza li l-isbaħ rigal li tista’ tagħti lill-bniedem li qed ibati hu li tagħtih ftit minn ħinek, tagħtih il-preżenza tiegħek u fejn possibbli l-id tal-għajnuna tiegħek.

Li tkun marid bil-kanċer l-isptar waqt din il-pandemija, għalija kien ifisser tbatija doppja billi l-viżti l-isptar kienu pprojbiti. Dawk li setgħu jkunu qrib tiegħi fiżikament kien limitat ħafna, imma rrid ngħid li dan in-nuqqas għamlu tajjeb għalih l-ispeċjalisti, it-tobba, n-nersis, il-patrijiet u ħaddiema oħra fis-sala tal-Ħematoloġija. Id-dedikazzjoni, l-attenzjoni u l-imħabba li wrewni kienet xi ħaġa li ma ninsiha qatt. Li tabib, ners jew ħaddiem ieħor jidħol fil-kamra tiegħek b’sempliċiment tbissima jew b’sempliċi mistoqsija jekk għandekx bżonn xi ħaġa, kienet tfisser ħafna għalija. Kienet tkun esperjenza li tqanqalli qalbi u laqtitni bħallikieku kieku qed itennuli: “Aħna hawn għalik!” …… “Aħna hawn għalik bħal Marija”. Kemm hi ħaġa sabiħa din li tkun bħal Marija qrib binha li qed ibati.

Hawn għalik bħal Marija, kienu wkoll diversi nies li kienu jċempluli biex jaraw kif jien jew sempliċiment jibgħatuli messaġġ. F’qalbi kont ngħid, “Ara dan ftakar fija! Din ftakret fija!”

Hawn għalik bħal Marija, kienu wkoll familjari, tobba u nersis u nies li jafuni li dejjem kienu hemm għalija f’dak kollu li kelli bżonn.

Hawn għalik bħal Marija, kienu dawk li tul il-marda tiegħi, b’solidarjetà miegħi u ma’ nies oħra li minħabba t-trattament tal-kanċer kienu jeħtieġu d-demm, għażlu li jmorru jagħtu borża demm tant bżonnjuża.

Hawn għalik bħal Marija, kienu wkoll dawk kollha li sostnewni bit-talb tagħhom.

Hawn għalik bħal Marija, nistgħu nagħmluhom kollha kemm aħna b’ġesti żgħar ta’ solidarjetà, imma li min qed ibati japprezzhom immens.

Marija taħt is-salib għalkemm ma setgħet tagħmel xejn, żgur li ma kinitx il-ħall morr tal-indifferenza imma kienet d-duwwa tal-imħabba, tal-kuraġġ, tas-solidarjetà. Jien ukoll illum nixtieq noffri kelma ta’ kuraġġ u ta’ mħabba lil tant morda u nies oħra li bħalissa għaddejjin minn xi forma ta’ tbatija. Illum nista’ nifhimkom ftit aktar u bħalma ħafna kienu dawk li talbu għalija, nwegħdkom li jien ukoll ninsab qrib ħafna tagħkom bit-talb tiegħi lill-Mulej bl-interċessjoni ta’ ommu Marija. Maria Addollorata kontinwament tistedinna nagħmlu bħalha billi nkunu qrib ta’ min qed ibati għax “mhuwiex possibbli li nagħżlu li ngħixu indifferenti quddiem it-tbatija; ma nistgħux inħallu li xi ħadd jibqa’ ‘fil-ġenb tal-ħajja’. (Fratelli Tutti, 68)

This post is also available in: English