Sanitizers ta’ The BioArte jingħataw lid-Dar tal-Providenza
Frontliners tas-Servizz tas-Saħħa Nazzjonali ta’ Malta, viżitaturi fid-diversi bereġ u numru ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi lokali bbenefikaw minn donazzjoni ta’ eluf ta’ fliexken ta’ sanitizzatur gel tal-idejn minn The BioArte Limited, li s-sena l-oħra sekwenzjat ir-razza Maltija ta’ COVID-19 (SARS CoV-2) u qegħda tkompli tagħmel dan.
Is-sanitizzatur gel tal-idejn, fi fliexken ta’ 100 ml u 500 ml, ġie kkonsenjat il-ġimgħa li għaddiet lit-Taqsima tal-Akkwist u Provvisti Ċentrali (CPSU) tal-Ministeru tas-Saħħa, apparti mid-Dar tal-Providenza, il-Malta Hospice Movement u l-Migrant Offshore Aid Station (MOAS).
Is-Sur Christian Duchow u Dr Manuele Biazzo, Diretturi ta’ The BioArte, ħadu d-deċiżjoni li jagħmlu din id-donazzjoni biex itennu l-impenn ta’ din il-kumpanija li għadha start-up biex tagħti l-kontribut tagħha fil-battalja kontra l-pandemija tal-COVID-19. Dan qiegħed iseħħ wara li ħadu deċiżjoni li għandhom jiddedikaw riżorsi lejn l-għarfien aħjar tal-iżolati virali Maltin tal-COVID-19.
“Ħadna din id-deċiżjoni li nagħmlu dawn id-donazzjonijiet għall-benefiċċju tas-soċjetà Maltija u biex nemfasizzaw l-impenn tagħna biex nappoġġjaw stakeholders ewlenin li, bil-mod tagħhom, qed jikkontribwixxu għal soċjetà aħjar,” qal Dr Biazzo.
Dawk kollha li rċevew dawn id-donazzjonijiet ġenerużi wrew l-apprezzament tagħhom. Inġ. Karl Farrugia, Direttur Maniġerjali tas-CPSU, qal li s-sanitizzatur likwidu tal-idejn hu parti mill-ewwel linja ta’ difiża li dawk kollha fis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa jużaw kontinwament waqt xogħolhom u għal viżitaturi fil-bereġ.
Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar tal-Providenza, qalet li dejjem kellhom talba għal sanitizzatur likwidu tal-idejn u rringrazzjat lil The BioArte għad-donazzjoni altruwista tagħhom. Anna Frendo, Manager tas-Servizzi tal-Kura tal-Malta Hospice Movement, laqgħet id-donazzjoni u esprimiet il-gratitudni tagħha, f’isem l-utenti kollha tas-servizzi tal-Hospice, għal donazzjoni tant utli.
Regina Catrambone, ko-fondatriċi u Direttriċi ta’ MOAS, qalet li apprezzat ħafna d-donazzjoni u li s-sanitizzatur gel tal-idejn ser jiġi mqassam fost il-komunitajiet ta’ immigranti fil-gżira.
Il-laboratorji ta’ The BioArte, li jinsabu fil-Life Sciences Park, San Gwann, ġew inawgurati f’Novembru li għadda u l-kumpanija, li timpjega tim ta’ xjentisti tal-laboratorju mediċi u virologi – ħafna minnhom bil-Ph.D., hi mpenjata tkompli mhux biss tiskopri mhux biss l-iżolati virali tas-SARS CoV-2, iżda biex jagħmlu riċerka f’dan il-qasam biex isibu informazzjoni ġdida li tista’ tgħin il-komunità ta’ xjentisti fl-iżviluppi ta’ rimedji ġodda.
Ir-riċerka tagħha fis-sekwenzar ta’ 10 iżolati tal-virus, li ġew finanzjati kollha internament, ġew ippubblikati s-sena l-oħra mis-Soċjetà Amerika tal-Mikrobijoloġija u l-informazzjoni tista’ tinkiseb liberalment mis-sit elettroniku tagħha.
Fost is-servizzi ta’ The BioArte, apparti minn servizzi ta’ screening għall-COVID (antiġeniċi u molekulari), hemm l-eżaminazzjoni klinika bbażata fuq riċerka ta’ persuni, li jiġu riferuti mit-tobba tagħhom, biex ikollhom deskrizzjoni komprensiva tal-mikro-organiżmi kollha f’ġisimhom, korrelatata mal-aħħar data fil-letteratura ta’ riċerka mad-dinja kollha u l-implikazzjonijiet fuq saħħithom.
This post is also available in: English