Wirja tal-Arti b’risq id-Dar tal-Providenza

‘Kinds of Home’ hija wirja tal-arti minn Wibke Siefert fix-Xara Palace fl-Imdina. Kwart mid-dħul mill-bejgħ ta’ dawn ix-xogħlijiet tal-arti se jmur għad-Dar tal-Providenza.

Wibke Siefert hija ta’ oriġini Ġermaniża. Miżżewġa bi tliet itfal, illum kbar. Il-familja ilha tgħix Malta sa mill-1995 u għandhom kumpanija ndustrijali. Waqt li kienet fi kwarantina fl-ewwel lockdown tal-Corona Virus f’Marzu tal-2020, Wibke bdiet tpinġi qawsalli bħalma kienu qed jagħmlu ħafna oħrajn f’pajjiżna.

Poġġithom fit-tieqa u riedet tagħmel iżjed. Tul il-kwarantina bdiet tesperimenta b’kuluri taż-żejt u akwarella, aktar tard b’lino printing, acrylic u bronż u minn dak iż-żmien ‘l hawn ma waqfetx tpitter.

Wibke hija passjonata għall-kuluri u forom tal-arti daqskemm hija għall-kitba. Novella u ġabra ta’ stejjer qosra ġew ippubblikati fl-2010 u l-2015 rispettivament u fihom għaqdet l-imgħoddi tagħħa fil-Ġermanja mal-preżent tagħha f’Malta.

Fis-sena 2020 ħadet sehem f’kompetizzjoni internazzjoali għall-stejjer qosra u l-kitba tagħha kienet inkluża ma’ għoxrin kitbiet oħra mill-Awstralja, Spanja, l-Istati Uniti u r-Renju Unit.