Residenti u ħaddiema tad-Dar tal-Providenza jibdew jieħdu l-vaċċin kontra l-Covid-19

Dalgħodu, it-Tnejn 15 ta’ Frar, ir-residenti u l-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19. Grazzi għall-kollaborazzjoni tal-Awtorità għall-Ħarsien tal-Istandards Soċjali.

Ir-ritratt juri l-ewwel residenta li ħadet il-vaċċin

Sanitizers ta’ The BioArte jingħataw lid-Dar tal-Providenza

Frontliners tas-Servizz tas-Saħħa Nazzjonali ta’ Malta, viżitaturi fid-diversi bereġ u numru ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi lokali bbenefikaw minn donazzjoni ta’ eluf ta’ fliexken ta’ sanitizzatur gel tal-idejn minn The BioArte Limited, li s-sena l-oħra sekwenzjat ir-razza Maltija ta’ COVID-19 (SARS CoV-2) u qegħda tkompli tagħmel dan.

Is-sanitizzatur gel tal-idejn, fi fliexken ta’ 100 ml u 500 ml, ġie kkonsenjat il-ġimgħa li għaddiet lit-Taqsima tal-Akkwist u Provvisti Ċentrali (CPSU) tal-Ministeru tas-Saħħa, apparti mid-Dar tal-Providenza, il-Malta Hospice Movement u l-Migrant Offshore Aid Station (MOAS).

Is-Sur Christian Duchow u Dr Manuele Biazzo, Diretturi ta’ The BioArte, ħadu d-deċiżjoni li jagħmlu din id-donazzjoni biex itennu l-impenn ta’ din il-kumpanija li għadha start-up biex tagħti l-kontribut tagħha fil-battalja kontra l-pandemija tal-COVID-19. Dan qiegħed iseħħ wara li ħadu deċiżjoni li għandhom jiddedikaw riżorsi lejn l-għarfien aħjar tal-iżolati virali Maltin tal-COVID-19.

“Ħadna din id-deċiżjoni li nagħmlu dawn id-donazzjonijiet għall-benefiċċju tas-soċjetà Maltija u biex nemfasizzaw l-impenn tagħna biex nappoġġjaw stakeholders ewlenin li, bil-mod tagħhom, qed jikkontribwixxu għal soċjetà aħjar,” qal Dr Biazzo.

Dawk kollha li rċevew dawn id-donazzjonijiet ġenerużi wrew l-apprezzament tagħhom. Inġ. Karl Farrugia, Direttur Maniġerjali tas-CPSU, qal li s-sanitizzatur likwidu tal-idejn hu parti mill-ewwel linja ta’ difiża li dawk kollha fis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa jużaw kontinwament waqt xogħolhom u għal viżitaturi fil-bereġ.

Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar tal-Providenza, qalet li dejjem kellhom talba għal sanitizzatur likwidu tal-idejn u rringrazzjat lil The BioArte għad-donazzjoni altruwista tagħhom. Anna Frendo, Manager tas-Servizzi tal-Kura tal-Malta Hospice Movement, laqgħet id-donazzjoni u esprimiet il-gratitudni tagħha, f’isem l-utenti kollha tas-servizzi tal-Hospice, għal donazzjoni tant utli.

Regina Catrambone, ko-fondatriċi u Direttriċi ta’ MOAS, qalet li apprezzat ħafna d-donazzjoni u li s-sanitizzatur gel tal-idejn ser jiġi mqassam fost il-komunitajiet ta’ immigranti fil-gżira.
Il-laboratorji ta’ The BioArte, li jinsabu fil-Life Sciences Park, San Gwann, ġew inawgurati f’Novembru li għadda u l-kumpanija, li timpjega tim ta’ xjentisti tal-laboratorju mediċi u virologi – ħafna minnhom bil-Ph.D., hi mpenjata tkompli mhux biss tiskopri mhux biss l-iżolati virali tas-SARS CoV-2, iżda biex jagħmlu riċerka f’dan il-qasam biex isibu informazzjoni ġdida li tista’ tgħin il-komunità ta’ xjentisti fl-iżviluppi ta’ rimedji ġodda.

Ir-riċerka tagħha fis-sekwenzar ta’ 10 iżolati tal-virus, li ġew finanzjati kollha internament, ġew ippubblikati s-sena l-oħra mis-Soċjetà Amerika tal-Mikrobijoloġija u l-informazzjoni tista’ tinkiseb liberalment mis-sit elettroniku tagħha.

Fost is-servizzi ta’ The BioArte, apparti minn servizzi ta’ screening għall-COVID (antiġeniċi u molekulari), hemm l-eżaminazzjoni klinika bbażata fuq riċerka ta’ persuni, li jiġu riferuti mit-tobba tagħhom, biex ikollhom deskrizzjoni komprensiva tal-mikro-organiżmi kollha f’ġisimhom, korrelatata mal-aħħar data fil-letteratura ta’ riċerka mad-dinja kollha u l-implikazzjonijiet fuq saħħithom.

Stqarrija tad-Dar tal-Providenza

Wara li CATCO Group wegħdu s-somma ta’ €500,000 għad-Dar tal-Providenza, id-Dar formalment talbet kumpanija lokali stabilità ta’ awditjar u konsulenza biex tagħmel eżerċizzju ta’ verifika. Id-Dar tal-Providenza kienet infurmata minn din il-kumpanija li ċ-ċermen tal-Grupp ma pprovdiex l-informazzjoni relevanti mitluba minnu bħala parti mill-proċess ta’ verifika. Għaldaqstant id-Dar tal-Providenza filwaqt li tapprezza dan il-ġest sabiħ, mhix f’pożizzjoni li tirċievi din id-donazzjoni. Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta kien infurmat b’dan l-iżvilupp.

Għalhekk is-somma finali miġbura waqt il-Festa ta’ Ġenerożità li saret nhar l-1 ta’ Jannar 2021 kienet dik ta’ €2,031,540.

Id-Dar tal-Providenza tibqa’ impenjata li tipprovdi l-aqwa servizz possibbli biex tappoġġja lir-residenti ħalli jgħixu ħajjithom bid-dinjità li tixirqilhom.

Nieħdu din l-opportunità biex nirringrazzjaw lil dawk kollha li permezz tad-donazzjonjiet u l-isforzi tagħhom issapportjaw lid-Dar tal-Providenza fil-ħidma tagħha.

Imut Gordon Hewitt, voluntier dedikat tad-Dar tal-Providenza.

B’sogħba kbira nħabbru l-mewt tas-Sur Gordon Hewitt, volontier dedikat tad-Dar tal-Providenza. Il-funeral tiegħu se jsir mhar l-Erbgħa, 6 ta’ Jannar 2021 fil-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi fit-3.30pm. Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Għal Gordon, id-Dar tal-Providenza kienet it-tieni dar tiegħu u kien iħobb jirreferi għaliha bħala “l-aktar post ferħan f’Malta fejn kulħadd jitbissem”. Gordon kien jagħti ħinu fid-Dar u kien jaħdem qrib ir-residenti b’impenn persistenti sakemm ippermettitlu saħtu.

Ħafna mix-xogħol tas-Sur Hewitt kien li kuljum joħroġ dawra ma’ xi residenti fil-ġonna tad-Dar tal-Providenza kif ukoll li jagħti s-sehem tiegħu f’diversi attivatijet li jsiru għar-residenti kemm fid-Dar kif ukoll barra mid-Dar. Insemmu b’mod speċjali l-involviment tiegħu fl-attivitajiet tad-drama u l-attivitajiet prinċipali ta’ matul is-sena. L-aħħar drama li ħadem mar-residenti kien “il-Presepju tan-Nannu” li ttella’ fl-Istitut Kattoliku, il-Floriana sena ilu. Is-Sur Hewit kien ukoll dak li ssuġġerixxa l-isem San Isidor għaċ-Ċentru Agrikolu fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi fejn matul il-ġimgħa residenti jippriservaw prodotti aromatiċi li mbagħad jinbiegħu lill-pubbliku. Kull sena hu jieħu ħsieb li ssir quddiesa fil-kappella tad-Dar fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Isidor prottettur tal-biedja fejn ikunu mistiedna u jipparteċipaw ir-residenti li jaħdmu fl-istess Ċentru.

Gordon jgħid li l-isbaħ rigal li tista’ tagħti lil ħaddieħor hu li tagħti lil dak li jkun mill-ħin tiegħek. Dan hu dak li kien jagħmel Gordon mar-residenti tad-Dar tal-Providenza sakemm sa ftit xhur ilu saħtu ippermettietlu. Huwa ħoloq rapport sabiħ ta’ ħbiberija sinċiera ma’ ħafna persuni b’diżabilità li żgur jibqgħu japprezzaw ħajjithom kollha.

Il-poplu Malti jagħti rigal ta’ €2,531,540 lid-Dar tal-Providenza

“Jien emozzjonat ħafna bil-ġenerożità u s-solidarjetà tal-Maltin u Għawdxin li minkejja kollox taw rigal mill-isbaħ ta’ €2,531,540 lid-Dar tal-Providenza.” Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, mill-uffiċċju tiegħu fis-Siġġiewi minn fejn kien qed isegwi l-maratona u jwieġeb it-telefonati. Huwa żied jgħid li minkejja l-mard u l-inċertezzi li ġabet magħha l-pandemija Covid-19, il-poplu Malti reġa’ għamel ħwejjeġ kbar mad-Dar tal-Providenza li f’dawn l-aħħar xhur rat tnaqqis kbir fid-dħul tagħha l-aktar billi kellha tħassar attivitajiet ta’ ġbir ta’ flus bħall-maratona tal-volleyball. Dan kien messaġġ ta’ tama fi żmien ta’ qtugħ il-qalb dwar kemm se ndumu maħkuma mill-pandemija.

Huwa qal dan fi tmiem ta’ maratona televiżiva ta’ ġbir ta’ fondi b’risq id-Dar biex tkun tista’ tkompli tipprovdi l-aħjar servizzi residenzjali lil 115-il persuna b’diżabilità li jgħixu fid-djar tagħha fis-Siġġiewi u fil-komunità. Minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija Covid-19 li ninsabu fiha, kellu jitbiddel il-programm kollu kif ukoll il-post fejn saret l-attività. Biex ukoll jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti, li kienu l-prijorità assoluta tal-Amministrazzjoni tad-Dar minn Marzu li għadda, ma sar xejn fil-parkeġġ li hemm fis-Siġġiewi kif kien isir

is-soltu ħlief drive-thru fejn dak li jkun seta’ jwassal id-donazzjoni tiegħu mingħajr ma jkollu għalfejn joħroġ mill-karozza.

Il-parti mportanti tal-ġbir tal-flus għad-Dar inklużi l-appelli, telefonati eċċetra saret fl-istudios ta’ We f’Ħal Qormi bejn nofsinhar u nofsillejl. Matul il-maratona kien hemm fl-istudios il-President ta’ Malta, Dott. George Vella u s-Sinjura Vella, Mons. Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi, l-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca u permezz ta’ Skype I-Isqof t’Għawdex Anton Teuma u l-Kap tal-Oppożizzjoni u s-Sinjura Grech. Attendew ukoll għadd ta’ ministri u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati kif ukoll delegati tal-partit politiċi ewlenin, personalitajiet distinti u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti li qattgħu ħin iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku.

M’hemmx għalfejn jingħad li kollox kien skont il-protokolli li huma in vigore mill-Awtoritajiet tas-Saħħa bħall-ilbies ta’ maskri, social distancing, użu ta’ diviżorji tal-perspex eċċ. Fr Martin Micallef segwa l-maratona mill-uffiċċju tiegħu fis-Siġġiewi u għamel għadd ta’ interventi permezz ta’ Skype.

Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta w Għawdex organizzaw ġabriet speċjali li mbagħad ingħataw lid-Dar f’isem il-komunità parrokkjali uħud minnhom permezz ta’ Skype.

L-ewwel żjara saret minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna li wkoll iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza mgħejun minn Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija u Fr Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali tad-Dar. L-Arċisqof enfasizza l-barkiet ta’ Alla fis-silta mill-Ktieb tan-Numri fl-ewwel qari tal-quddiesa: Il-Mulej ibierkek, iħarsek u jagħtik is-sliem.

Huwa qal li dawk kollha li qatt żaru d-Dar tal-Providenza jifhmu malajr kif il-Mulej juża persuni normali biex bihom jagħmel ħwejjeġ kbar. Hekk għamel meta uża lil Mons. Mikiel Azzopardi biex iwaqqaf dar għal persuni b’diżabilità u għal dawn l-aħħar ħamsa w ħamsin sena ir-residenti sabu dar li ħadet ħsiebhom bir-rispett sħieħ tad-drittijiet u d-dinjità tagħhom. Huwa rringrazzja l-carers, il-ħaddiema u l-volontiera kollha li għal dawn l-aħħar għaxar xhur tal-pandemija kien qed jieħdu ħsieb u jipproteġu r-residenti u lill-ħaddiema sħabhom.

Mons. Scicluna rrefera għall-pandemija u qal li t-teħid tal-vaċċin mhuwiex obbligatorju imma wkoll dover tagħna biex nuru li, bħala ċittadini, aħna kapaċi nieħdu ħsieb tagħna u ta’ dawk ta’ madwarna.

Il-ġurnata tal-Ewwel tas-sena bdiet b’quddiesa mill-kappella tad-Dar fid-9.30am waqt li x-xandira televiżiva bdiet f’nofsinhar u baqgħet sejra sa nofsillejl meta tħabbret is-somma totali. TVM2, ONE TV u NET TV ingħaqdu f’ħinijiet twal fix-xandira diretta ta’ madwar tnax-il siegħa. Matul ix-xandira taw sehemhom għadd ta’ kantanti u mużiċisti ewlenin Maltin.

Sforz ieħor biex ngħinu lid-Dar tal-Providenza – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles J. Scicluna dalgħodu appella lill-poplu Malti biex jagħmel sforz ieħor biex jgħin lid-Dar tal-Providenza f’dawn iż-żminijiet diffiċli tal-pandemija Covid-19. Huwa saħaq fiq il-barkiet li Alla jagħti fil-kwotazzjoni mill-Ktieb tan-Numri li tgħid li l-Mulej iberikna, jieħu ħsiebna u jagħtina l-paċi.

L-Arċisqof qal li dawk li xi darba jew oħra żaru d-Dar tal-Providenza jifhmu faċilment li l-Mulej juża nies sempliċi biex jagħmel ħwejjeġ kbar. Hekk għamel meta nqeda b’ Dun Mikiel Azzopardi biex iwettaq il-pjan li tinfetaħ dar għal persuni b’diżabilità li tirrispetta d-drittijiet u d-dinjità tagħhom u għal dawn l-aħħar 55 sena r-residenti sabu dar li tirrispetta d-drittijiet u d-dinjità tagħhom. Huwa rringrazzja lill-carers, ħaddiema u volontiera li għal dawn l-aħħar 10 xhur tal-pandemija kienu qed jipproteġu u jieħdu ħsieb saħħet ir-residenti.

Mons. Scicluna rrefera għas-sitwazzjoni tal-pandemija u qal li tteħid tal-vaċċin ma kienx obbligatorju imma huwa wkoll dover li aħna, bħala ċittadini, nkunu kapaċi nieħdu ħsieb tagħna nfusna u ta’ xulxin.

L-Arċisqof iċċelebra quddiesa fil-festa ta’ Marija Omma Alla fil-kappella tad-Dar. Huwa kien mgħejun minn Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija u minn Fr Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali tad-Dar.

€32,441 għad-Dar tal-Providenza minn103 Malta’s Heart

Somma rekord ta €32,441 nġabret b’risq id-Dar tal-Providenza matul maratona ta’ 30 siegħa mużika fuq 103 Malta’s Heart. Is-somma finali, li tħabbret minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, qabżet sew dik ta’ €12,710 li nġabret is-sena ta’ qabel.

Il-maratona bdiet fis-6.00am tal-Erbgħa, 30 ta’ Diċembru u tmexxiet minn Arthur Caruana akkumpanjat minn żewġ preżentaturi magħrufin Ron Briffa u Ian Busuttil Naudi u minn Jes Saliba.

F’diversi waqtiet tal-maratona mużikali saru messaġġi ta’ appoħħ u appelli għall-ġbir ta’ fondi tant meħtieġa. Fosthom kien hemm Mons Arċisqof Charles J. Scicluna, L-Isqof t’Għawdex Anton Teuma, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci u Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar.

Arthur u sħabu esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għal din il-wirja ta’ solidarjetà speċjalment f’sena ddominata mill-pandemijia.

Maratona Mużikali ta’ 30 siegħa fuq 103 Malta’s Heart għad- Dar tal-Providenza

Mis-sitta ta’ dalgħodu Arthur Caruana, Ian Busuttil Naudi u Ron Briffa bdew jippreżentaw maratona ta’ 30 siegħa mużika fuq 103 Malta’s Heart b’risq id-Dar tal-Providenza.

Tul it-30 siegħa, Arthur, Ian u Ron se jpaxxu bil-mużika s-semmiegħa ta’ 103 Malta’s Heart waqt li bosta mużiċisti u personalitajiet fosthom l-Isqfijiet Maltin se jingħaqdu magħhom virtwalment minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Tista’ tgħin b’diversi modi:

· Isma’ 103 Malta’s Heart f’xandira diuretta fuq 103.mt/103-player · Donazzjoni fuq https://www.dartalprovidenza.org/make-a-donation

· Ċempel fuq 5160 2012 u agħmel donazzjoni ta’ €10 (VO 1066)

· Ċempel fuq 5180 2014 u agħmel donazzjoni ta’ €25 (VO 1066)

· Ibgħat SMS fuq 5061 8922 biex tagħmel donazzjoni ta’ €7 (VO 1066)

Is-sena l-oħra, Arthur ippreżenta maratona oħra ta’ 30 siegħa li minha nġabru kważi €13,000 għad-Dar tal-Providenza.

Kontribuzzjoni Finanzjarja minn Lidl Malta

Id-Dar tal-Providenza flimkien ma’ Caritas Malta u Hospice Malta bejniethom irċevew kontribuzzjoni finanzjarja ta’ aktar minn €10,000 mingħand Lidl Malta. Barra minn hekk, il-Kumpanija għamlet donazzjoni oħra ta’ b’kemm jiswew €6,000 fi prodotti li ngħataw lil żewġ entitajiet oħra: Il-Malta Food Bank Foundation u l-Victory Kitchen.

Lidl Malta, waħda mill-kumpaniji ewlenin fil-qasam tar-retail fil-gżejjer Maltin, iddeċidiet li tagħti l-baġit annwali tagħha għall-organizzazzjoni t’attivitajiet festivi fi żmien il-Milied għall-impjegati tagħha lill-organizzazzjonijiet tal-karità nkluża d-Dar tal-Providenza. Kienu l-ħaddiema stess li għażlu liema entitajiet jingħataw donazzjoni.

“Il-ħaddiema kollha u volontier tad-Dar tal-Providenza jingħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi fis-sena tal-pandemija”

Il-ħaddiema kollha u l-volontier Gordon Hewitt tad-Dar tal-Providenza ngħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi f’din is-sena tal-pandemija.

F’ċerimonja qasira fil-Kurja fil-Furjana, l-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna ippreżenta l-Premju lil Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar, u lil Marieanne Abdilla u Rebecca Theuma li kienu qed jirrappreżentaw il-ħaddiema kollha. Mons. Arċisqof irringrazzja lill-ħaddiema għall-ħidma siewja tagħhom mar-residenti tad-Dar. Huwa sab ħin ċempel lill-volontier Gordon Hewitt li qiegħed fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule u feraħlu wkoll. Gordon emozzjona ruħhu ħafna bit-telefonata tal-Arċisqof. Aktar tard huwa ngħata l-premju minn Fr Ivan Scicluna, kappillan tar-Residenza San Vinċenz.

Il-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza, ilaħħqu ftit inqas minn 300 ruħ. Dawn il-ħaddiema huma mqassmin f’Villa Monsinjur Gonzi, f’Villa Papa Giovanni u f’Villa Papa Luċjani fis-Siġġiewi kif ukoll fid-djar fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, l-Qawra, Birkirkara u ż-Żurrieq.

Il-Ħaddiema tad-Dar tal-Providenza jingħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi 2020

Din is-sena, kif inhu xieraq, il-Premju Dun Mikiel Azzopardi se jingħata lill-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza b’ħajr u rikonoxximent għall-ħidma ddedikata u straordinarja tagħhom matul dawn ix-xhur iebsin tal-pandemija Covid 19 biex iżommu lir-residenti u lill-kollegi tagħhom ħielsa minn dan il-virus.

Il-Premju Dun Mikiel Azzopardi, li tnieda fl-1995, jirrikonoxxi x-xogħol li jsir minn individwi u gruppi biex jiġu megħjuna persuni b’diżabilità, kif ukoll juri apprezzament lejn dawk li jagħtu appoġġ volontarju għax-xogħol li jsir fid-Dar tal-Providenza.

Għall-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza, is-sena 2020 ma kinetx waħda normali u lanqas faċli anzi kienet sena mimlija sfidi kbar li ġabet magħha l-pandemija. Min kien jobsor li sena li bdejniha bil-Festa ta’ Ġenerożità fl-ewwel ta’ Jannar kellha tinbidel f’sena ta’ virus kiefer tant qerriedi. Din kienet tassew sena ta’ sfidi kbar imma sena li uriet il-qalb kbira, id-determinazzjoni, id-dedikazzjoni, il-kreattività u l-ħidma sfieqa tal-ħaddiema tad-Dar. Dawn kienu, għadhom u jibqgħu il-frontliners tad-Dar tal-Providenza u kulħadd jibqa’ jafulhom.

Minn meta feġġet fostna din il-pandemija, l-Amministrazzjoni tad-Dar mill-ewwel ħejjiet u implimentat miżuri ta’ kontinġenza bi ftehim mal-Awtorità tal-Ħarsien u l-Kura Soċjali (SCSA) u l-Awtoritajiet tas-Saħħa biex tkun imħarsa sigurtà tas-saħħa kemm tar-residenti kif ukoll tal-ħaddiema kollha tad-Dar. Kemm fl-ewwel shutdown li kellna mid-9 ta’ Marzu sal-aħħar ta’ Mejju kif ukoll fl-hekk imsejjħa tieni mewġa, il-ħaddiema tagħna mingħajr eċċezzjoni għamlu l-almu tagħhom kollu biex jimxu ma’ dawn il-miżuri anke jekk ħafna drabi dan kien ifisser sagrifiċċju personali iktar min normal. Grazzi għar-rieda tajba u l-koperazjoni tal-ħaddiema anke f’mumenti ta’ tħassib il-moħħ, biża u nċertezzi, il-ħidma baqgħet għaddejja għal ġid ta’ kulħadd. Ma naqsitx ukoll il-kreattivita tal-ħaddiema li ħolqu attivitajiet ġodda għar-residenti li minħabba l-pandemija l-ħruġ għal attivitajiet fil-komunità ġie ristrett. Sar ukoll sforz biex ir-residenti jibqgħu f’kuntatt kontinwi mal-familjari b’użu tal-teknoloġija.

Il-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza li huma ftit inqas minn 300 ruħ jinkludu l-ħaddiema tal-amministrazzjoni, is-sapport workers, id-domestic staff, tas-sigurta u t-trasport, tal-maintaince, tal-laundry, il-ħajjatin, l-Ability Promoters, il-professjonisti u tal-istores. Dawn il-ħaddiema jaħdmu f’Villa Monsinjur Gonzi, f’Villa Papa Giovanni u f’Villa Papa Luċjani fis-Siġġiewi kif ukoll fid-djar fil-komunita fis-Siġġiewi, fiż-Żurrieq, fil-Qawra u f’Birkirkara.

Lil dawn il-ħaddiema kollha ngħidulkom grazzi mill-qalb u ċerti li l-Providenza Divina tħallaskom għal aktar minn mitt darba.

Gordon Hewitt, Voluntier fid-Dar tal-Providenza u rebbieħ tal-Premju Dun Mikiel Azzopardi 2020

Gordon Hewitt, twieled fis-16 ta’ Ġunju 1947 u trabba f’Malta fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet, ma’ missieru li kien fl-Armata Ngliża u ommu Maltija. Wara li reġgħu marru lura r-Renju Unit, Gordon ħa l-edukazzjoni tiegħu l-ewwel f’St. George’s College immexxi minn qassisin kattoliċi u wara fil-kulleġġ Universitarju Kattoliku ta’ St. Mary’s.

Meta ggradwa fl-1970 huwa reġa’ lura St George’s College fejn kien jgħallem il-ġeografija, u l-isport tal-Cricket u r-Rugby. Dawn iż-żewġ dixxiplini sportivi baqgħu fih tant li Gordon kien Cricketer tal-ogħla livell kif ukoll referee internazzjonali tar-Rugby Union.

Wara dsatax-il sena, fl-1989 Gordon kellu jirtira kmieni biex jieħu ħsieb lil ommu Sylvia li kienet marida serjament.

Wara l-mewt tagħha, fl-1994 Gordon iżżewwġ lil Angie Aronica u fis-sena 2000 ġew joqogħdu f’Malta fir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ. Meta ssetilljaw, Gordon u Angie bdew bil-ħidma volontarja tagħhom fid-Dar tal-Providenza li kienu jsejjħu “t-tieni dar tagħhom”. Huma kienu jattendu ħamest ijiem fil-ġimgħa u kienu jirreferu għaliha bħala “l-aktar post kuntent f’Malta fejn kulħadd jitbissem.” Sfortunatament, martu Angie mietet ta’ età żgħira, madankollu Gordon baqa’ bħala voluntier fid-Dar tal-Providenza jaħdem fil-qrib mar-residenti tad-dar b’impenn kostanti sakemm saħtu ippermettietlu.

Ħafna mix-xogħol tas-Sur Hewitt kien li kuljum joħroġ dawra ma’ xi residenti fil-ġonna tad-Dar tal-Providenza kif ukoll li jagħti s-sehem tiegħu f’diversi attivatijet li jsiru għar-residenti kemm fid-Dar kif ukoll barra mid-Dar. Insemmu b’mod speċjali l-involviment tiegħu fl-attivitajiet tad-drama u l-attivitajiet prinċipali ta’ matul is-sena. L-aħħar drama li ħadem mar-residenti kien “il-Presepju tan-Nannu” li ttella’ fl-Istitut Kattoliku, il-Floriana sena ilu. Is-Sur Hewit kien ukoll dak li ssuġġerixxa l-isem San Isidor għaċ-Ċentru Agrikolu fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi fejn matul il-ġimgħa residenti jippriservaw prodotti aromatiċi li mbagħad jinbiegħu lill-pubbliku. Kull sena hu jieħu ħsieb li ssir quddiesa fil-kappella tad-Dar fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Isidor prottettur tal-biedja fejn ikunu mistiedna u jipparteċipaw ir-residenti li jaħdmu fl-istess Ċentru.

Gordon jgħid li l-isbaħ rigal li tista’ tagħti lil ħaddieħor hu li tagħti lil dak li jkun mill-ħin tiegħek. Dan hu dak li kien jagħmel Gordon mar-residenti tad-Dar tal-Providenza sakemm sa ftit xhur ilu saħtu ippermettietlu. Huwa ħoloq rapport sabiħ ta’ ħbiberija sinċiera ma’ ħafna persuni b’diżabilità li żgur jibqgħu japprezzaw ħajjithom kollha.

Gordon kien ukoll jagħti għajnuna voluntarja lir-refuġjati fi ħdan il-Laboratorju tal-Paċi, Ħal Far.