Mons. Arċisqof jingħata r-Rapport ta’ Ħidma tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2020

Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna kien ippreżentat b’kopja tar-Rapport ta’ Ħidma tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2020. Il-preżentazjoni saret fid-Dar tal-Providenza minn Dun Martin Micallef, Direttur tad-Dar fil-preżenza tas-Sinjura Nadine Camilleri Cassano, l-Amministratur.

Din hija t-tieni darba li dan ir-rapport qed jiġi stampat bil-Malti u b’verżjoni iqsar bl-Ingliż fi ktejjeb bil-kulur. Ir-rapport jelenka l-ħidma mwettqa mid-Dar, fl-impenn tagħha li tkompli toffri servizz residenzjali tal-għola livell lill-persuni b’diżabilità li jkollhom bżonn dan is-servizz. Ma jistax jonqos ukoll li r-rapport jinkludi fost oħrajn il-miżuri li ttieħdu mid-Dar minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u kif din laqtgħet lir-residenti. Fil-faċċata ta’ quddiem hemm ritratt taż-żjara li l-Prof. Charmaine Gauci għamlet fid-Dar tal-Providenza.

Wieħed jista’ jara dan ir-rapport billi jikklikja hawn.

Ir-Rapport Annwali jiġi ppreżentat ukoll kull sena lill-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji kif titlob il-Liġi.

Ritratt: knisja.mt/ritratti

Infilsar tad-Djarju tad-Dar tal-Providenza 2022

Kull sena, id-Dar tal-Providenza tistampa djarju biex jitqassam lil kull familja f’Malta u Għawdex. Biex dan ikun possibli jkun hemm bżonn, mhux biss li jkun stampat, iżda wkoll li jiġi infilsat f’envelop qabel jitqassam. Bħalissa għadd kbir ta’ voluntiera qed jgħinu fil-proċess tal-infilsar, fosthom voluntiera mill-Parroċċi ta’ Ħ’Attard, ta’ San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara u l-Mellieħa. Grupp ta’ voluntiera Għawdxin ukoll qed jgħinu f’din l-inizjattiva. Bħal kull sena dan id-djarju jitqassam b’xejn f’kull dar mill-Maltapost plc.

Dawk li jixtiequ jgħinu fl-infilsar ta’ dawn id-djarji jista’ jibgħat imejl fuq info@dartalprovidenza.org jew iċempel fuq 21462844.

Id-Dar tal-Providenza tilqa’ bil-ferħ il-ħatra tal-Kummissarju l-ġdid għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.

Id-Dar tal-Providenza tilqa’ bil-ferħ il-ħatra tas-Sur Jesmond Saliba bħala l-Kummissarju l-ġdid għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Nemmnu li bħala persuna li ħadem u għandu għal qalbu ħafna dan is-settur, is-Sur Saliba, minkejja li issa se jkollu rwol ta’ regolatur, jista’ jifhem aktar il-kontribut li l-għaqdiet volontarji taw u qiegħdin jagħtu f’pajjiżna, kif ukoll il-limitazzjonjiet u d-diffikultajiet tagħhom.
Filwaqt li nirringrazzjaw lis-Sur Saliba għall-kontribut li ta lid-Dar għal dawn l-aħħar għaxar snin bħala membru fuq il-Bord, nawgurawlu ħidma sfieqa favur Għaqdiet Volontarji aktar trasparenti u kontabbli, imma li fl-istess ħin iħossu li l-Kummissarju qiegħed hemm biex jappoġġjahom kontinwament tul it-triq.

Fr Martin Micallef
Direttur

Awguri lill-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza għal din l-Onorefiċenza mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.

Prosit mill-qalb ta’ Fr Martin Micallef, Direttur tal-Providenza

Il-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza jingħataw l-Onorifiċenza Mertu Siġġiewi

Il-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza ingħataw l-Onorifiċenza Mertu Siġġiewi waqt serata mtellgħa mill-Kunsill tas-Siġġiewi. Il-President Emeritu, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca fil-preżenza tas-Sindku, s-Sur Domenic Grech, ippreżentat l-Onorofiċenza Mertu Siġġiewi lis-Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar f’isem il-ħaddiema kollha.

Il-Prof. Charmaine Gauci, li tgħix is-Siġġiewi, ukoll kienet waħda mill-personalitajiet li ngħataw l-Onorofiċenza tal-Mertu. L-oħrajn kienu l-ex-Arċipriet, Dun Joe Grech, Dr Norbert Bugeja, Mro. Raymond Sant, is-Sur Albert Pace u is-Sur Grezzju Pace (wara mewtu).

Għall-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza, is-sena 2020 ma kinetx waħda normali u lanqas faċli anzi kienet sena mimlija sfidi kbar li ġabet magħha l-pandemija COVID-19. Din kienet tassew sena ta’ sfidi kbar imma sena li uriet il-qalb kbira, id-determinazzjoni, id-dedikazzjoni, il-kreattività u l-ħidma sfieqa tal-ħaddiema tad-Dar. Dawn kienu, għadhom u jibqgħu il-frontliners tad-Dar tal-Providenza u kulħadd jibqa’ jafulhom.

AD MULTOS ANNOS Fr Martin u Fr Trevor

Fl-okkażjoni tal-25 Anniversarju ta’ l-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ Fr Martin Micallef, Diretttur tad-Dar tal-Providenza, u l-40 Anniversarju ta’ l-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ Fr Trevor Fairclough, id-Direttur Spiritwali tad-Dar, ġiet organizzata quddiesa ta’ ringrazzjament fid-Dar tas-Siġġiewi li għaliha kienu mistiedna r-residenti u l-ħaddiema kollha. Fi tmiem il-quddiesa Grace Vassallo, waħda mir-residenti tad-Dar, ippreżentat żewġ kartolini magħmula mir-residenti stess.

Fr Trevor kien ordnat saċerdot mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca fil-11 ta’ Lulju 1981 fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta filwaqt li Fr Martin kien ordnat saċerdot mill-istess Arċisqof nhar il-5 ta’ Lulju 1996.

Id-Dar tal-Providenza tixtieq tawgura Ad Multos Annos lil Fr Martin u lil Fr Trevor, li nhar il-Ħadd, 11 ta’ Lulju 2021 iċċelebraw rispettivament il-25 u l-40 Anniversarju tal-Ordinazzjoni Presbiterali tagħhom.

Id-Dar tal-Providenza tirbaħ il-Premju Ċittadin Ewropew 2021

Il-Parlament Ewropew ħabbar li d-Dar tal-Providenza rebħet il-Premju Ċittadin Ewropew 2021. Din id-Dar ġiet nominata mill-MEPs Roberta Metsola u David Casa, bħala membri tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, għall-proġett imsejjaħ ‘Monument ta’ Ħniena’ – b’referenza għall-ħidma li twettaq din l-organizzazzjoni biex persuni b’diżabilità jgħixu fil-komunità.
Id-Dar tal-Providenza rebħet il-premju wara li kienet fost numru ta’ finalisti li intgħażlu minn fost diversi nominazzjonijiet li tressqu.
Il-kumitat tal-Premju Ċittadin Ewropew 2021 irrikonoxxa li matul l-aħħar 56 sena, d-Dar tal-Providenza pprovdiet akkomodazzjoni lill-persuni b’diżabiltà li ma jistgħux jgħixu mal-familja tagħhom biex ikollhom post fejn jgħixu f’ambjent ta’ familja. Proġett ewlieni li wassal biex id-dar rebħet il-premju kien dak tad-djar fil-komunità, li għandu l-għan biex persuni b’diżabiltà jiġu integrati fil-komunitajiet Maltin minflok jinżammu maqtugħin għalihom – prinċipju li l-Unjoni Ewropea qed tħeġġeġ ħafna biex jiġi prattikat. S’issa, d-Dar tal-Providenza fetħet erbat’ idjar fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, l-Qawra, Birkirkara u ż-Żurrieq u mistennija tiftaħ il-ħames waħda fil-Balluta fil-ġimgħat li ġejjin.
L-ewroparlamentari Metsola u Casa qalu li din hi “aħbar sabiħa li tfisser li l-ħidma imprezzabli li titwettaq b’tant dedikazzjoni minn Fr Martin Micallef u l-kollegi tiegħu ġiet rikonoxxuta fuq livell Ewropew.”
Iċ-ċerimonja li fiha se jkun qed jingħata l-premju lid-Dar tal-Providenza se ssir fi Brussell f’Novembru li ġej.

Il-Friends of Providence House NSW b’donazzjoni ta’ $9,000AUD lid-Dar tal-Providenza

Il-grupp Friends of Providence House NSW għamel għotja ta’ $9,000AUD lid-Dar tal-Providenza. Iċ-ċekk ġie ppreżentat waqt il-Maratona ta’ ġbir ta’ fondi li sar nhar il-Ħadd. Din is-somma nġabret f’dawn l-aħħar sentejn u s-soltu kienu jinżlu Malta rappreżentanti tal-grupp biex jippreżentaw id-donazzjoni lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, waqt il-Maratona tal-Volleyball li f’dawn l-aħħar sentejn kellha titħassar minħabba l-pandemija COVID-19.

Il-Friends of Providence House NSW jirringrazzjaw lill-Komunità Maltija fl-Awstralja li għal darb’oħra reġgħet għenet finanzjarjament flimkien ma’ benefattur ġeneruż li xtaq li jibqa’ anonimu. Huma jirringrazzjaw ukoll lill-isponsor ewlieni, George Vella ta’ Breakaway Travel ta’ Blacktown kif ukoll lill-midja Maltija fl-Awstralja, ‘Leħen il-Maltin tal-Awstralja’ u ‘The Maltese E-Newsletter” għall-appoġġ kontinwu tagħhom.

Jim Borg, il-Koorindatur tal-Friends of Providence House NSW, flimkien mat-tim tiegħu, Marisa Previtera (Segretarja) u Miriam Friggieri (Kaxxiera) iżommu kuntatt regolari ma’ Fr Martin u jieħdu ħsieb li kull sena jorganizzaw inizjattivi għal ġbir ta’ flus b’risq id-Dar tal-Providenza.

€512,870 f’Maratona b’risq id-Dar tal-Providenza

€512.870 inġabru waqt il-Maratona Televiżiva tal-Ħadd b’risq id-Dar tal-Providenza. Minħabba ċerti restrizzjonijiet li għadhom qed jiġu nfurzati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa minħabba l-COVID-19, il-programm sħiħ kien imtella’ fuq linji ta’ dak li sar fil-maratona tal-Festa ta’ Ġenerożità tal-ewwel tas-sena. Għal darb’oħra, biex jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti, ma sar xejn fil-parkeġġ li hemm fis-Siġġiewi kif kien isir is-soltu ħlief ‘drive-through’ fejn dak li jkun seta’ jwassal id-donazzjoni tiegħu mingħajr ma jkollu għalfejn joħroġ mill-karozza.

Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza irringrazzja lill-poplu Malti kollu għad dejjem emmen fid-Dar u f’dak kollu li tagħmel biex tara li r-residenti tagħha jkollhom l-aħjar kwalità ta’ ħajja possibbli. Is-somma miġbura minn din il-maratona se tmur biex fost oħrajn ikun jista’ jitnieda proġett ta’ immodernizzar ta’ erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni biex kull persuna jkollha ambjent dejjem aktar dinjituż bħal bi kmamar personali mgħammra bis-servizzi meħtieġa.

Il-parti mportanti tal-ġbir tal-flus għad-Dar inklużi l-appelli, telefonati eċċetra saret fl-istudios ta’ We f’Ħal Qormi bejn nofsinhar u nofsillejl. M’hemmx għalfejn jingħad li kollox kien skont il-protokolli li huma in vigore mill-Awtoritajiet tas-Saħħa bħall-ilbies ta’ maskri, social distancing, użu ta’ diviżorji tal-perspex eċċ.

Filgħodu, Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar biex jitfakkar il-25 Anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali ta’ Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza u sħabu s-saċerdoti li erba’ minnhom: Dun Marco Portelli, Dun Charles Attard, Patri Mark Ciantar OFM u Patri Stephen Sciberras OFM kienu preżenti. Patri Alex Cauchi, kappillan Agostinjan ma setax jattendi minħabba ħidma pastorali. Mons. Arċisqof fakkarhom f’dak li kien jgħid San Ġorġ Preca f’okkażjonijiet ta’ anniversarji: “Grazzi Sinjur Alla, aħfirli Sinjur Alla.”

Matul il-maratona f’waqtiet differenti kien hemm fl-istudios il-President ta’ Malta, Dr George Vella u s-Sinjura Vella, il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi u l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Dr Bernard Grech u s-Sinjura Grech. Attendew ukoll għadd ta’ Ministri, Segretarji Parlamentari u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati kif ukoll delegati tal-partit politiċi ewlenin li qattgħu ħin iwieġbu t-telefonati u jieħdu d-donazzjonijiet.

Ix-xandira televiżiva bdiet f’nofsinhar u baqgħet sejra sa nofsillejl meta tħabbret is-somma totali. TVM2, ONE TV, NET TV, Fliving u Smash TV ingħaqdu f’ħinijiet twal fix-xandira diretta ta’ madwar tnax-il siegħa. Matul ix-xandira taw sehemhom għadd ta’ kantanti ewlenin Maltin li fis-snin l-imgħoddijja irrappreżentaw lil Malta fil-Eurovision Song Contest.

Min għadu jixtieq jagħmel donazzjoni għadu jista’ jagħmel dan billi jidħol fil-website www.sabihlitaghti.com fejn hemm id-dettalji kollha kif jistghu isiru donazzjonijiet.

Mons. Arċisqof jiċċelebra quddiesa b’tifkira tal-25 Anniversarju tal-Ordinazzjoni saċerdotali ta’ Fr Martin Micallef u sħabu

Dalgħodu, Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar fil-bidu tal-jum li fih se ssir il-maratona televiżiva li tibda f’nofsinhar għall-ġbir ta’ fondi b’risq id-Dar imma wkoll biex jitfakkar l-għeluq tal-25 Anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali ta’ Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza u sħabu s-saċerdoti li erba’ minnhom: Dun Marco Portelli, Dun Charles Attard, Patri Mark Ciantar OFM u Patri Stephen Sciberras OFM kienu preżenti. Patri Alex Cauchi, kappillan Agostinjan ma setax jattendi minħabba ħidma pastorali. Mons. Arċisqof fakkarhom f’dak li kien jgħid San Ġorġ Preca f’okkażjonijiet ta’ anniversarji: “Grazzi Sinjur Alla, aħfirli Sinjur Alla.”
Fil-katekeżi tiegħu dwar il-Kelma t’Alla tal-Erbatax-il Ħadd taż-żmien ta’ matul is-Sena, Mons. Arċisqof tkellem dwar il-fixla ta’ dawk li f’Nażaret għexu ma’ Ġesù għal seba’ u għoxrin sena sħaħ. Dawk li kienu quddiemu fis-Sinagoga tfixklu għax għalihom quddiemhom ma kienx hemm il-mastrudaxxa ta’ Nażaret imma l-profeta li kien qed jitkellem f’isem Alla.
L-Arċisqof fakkar li l-ġenerazzjoni tagħna mhi xejn differenti minn dawk li “skandalizzaw ruħhom minħabba fih” għax bosta drabi aħna wkoll nitfixklu meta nisimgħu lil min ikellimna fuq il-Mulej għax aktar niffokaw fuq min qed ikellimna milli fuq x’qed jgħidilna.
Is-somma miġbura minn din il-maratona se tmur biex fost oħrajn ikun jista’ jitnieda proġett ta’ immodernizzar ta’ erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni biex kull persuna jkollha ambjent dejjem aktar dinjituż bħal bi kmamar personali mgħammra bis-servizzi meħtieġa.

Il-parti mportanti tal-ġbir tal-flus għad-Dar inklużi l-appelli, telefonati eċċetra se ssir fl-istudios ta’ We f’Ħal Qormi bejn nofsinhar u nofsillejl.
Min jixtieq jagħmel donazzjoni jista’ jagħmel dan billi jidħol fil-website www.sabihlitaghti.com fejn hemm id-dettalji kollha kif jistghu isiru donazzjonijiet.