Id-Dar tal-Providenza tħabbar pjani ambizzjużi għas-16-il edizzjoni tal-BOV Volleyball Marathon

Id-Dar tal-Providenza ħabbret pjani ambizzjużi għall-edizzjoni li jmiss  għall-maratona annwali tagħha tal-volleyball bil-għan li tiġbor il-fondi biex tkun tista’ ssostni l-ħidma tagħha.

Issa li waslet fis-16-il edizzjoni tagħha, il-BOV Volleyball Marathon, din is-sena ser issir bejn il-Ħamis 16 u s-Sibt 18 ta’ Lulju 2026, u għall-ewwel darba se tittella’ fl-MFCC f’Ta’ Qali. L-avveniment se jixxandar ukoll fuq l-istazzjonijiet kollha tat-televiżjoni lokali.

L-organizzaturi spjegaw li l-post il-ġdid se jiftaħ opportunitajiet ġodda u eċitanti għall-avveniment, filwaqt li jagħmilha wkoll aktar aċċessibbli u ċentrali għall-viżitaturi.

“Il-bżonnijiet u l-fondi meħtieġa biex Id-Dar tal-Providenza tkompli topera qegħdin dejjem jiżdiedu, u li nsibu modi kif intejbu l-isforzi tagħna ta’ ġbir ta’ fondi huwa essenzjali. Id-Dar tal-Providenza teħtieġ madwar €7.5 miljun fis-sena biex tiżgura l-aħjar kwalità ta’ ħajja possibbli għar-residenti tagħha.”

Sa mit-twaqqif tagħha fl-1965, Id-Dar tal-Providenza offriet servizzi residenzjali personalizzati għal persuni b’diżabilità, f’ambjent ta’ sapport. Illum id-Dar tilqa’ fiha 115-il resident. Id-Dar toffri wkoll servizzi ta’ respite lill-familji ta’ persuni b’diżabilità.

Is-sena li għaddiet, waqt il-BOV Volleyball Marathon inġabret is-somma rekord ta’ €632,153. Dan ir-riżultat ħeġġeġ lill-organizzaturi biex joħolmu akbar u jaħdmu għal suċċess akbar ta’ din l-edizzjoni.

“Id-Dar temmen li tista’ tistrieħ fuq l-appoġġ kontinwu tal-Maltin u l-Għawdxin, li l-imħabba tagħhom lejn Id-Dar tal-Providenza se tkompli tgħin biex dan l-avveniment ikun suċċess sena wara sena.”

L-applikazzjonijet għall-plejers issa huma miftuħin. Min jixtieq japplika bħala plejer biex jilgħab fil-BOV Volleyball Marathon jista’ japplika fuq https://tinyurl.com/volley4dtp-players2026

 

Il-Prim Ministru jżur Shalom fiż-Żurrieq

Il-Prim Ministru Dott. Robert Abela, żar Shalom fiż-Żurrieq, dar residenzjali mmexxija mid-Dar tal-Providenza, fl-okkażjoni tal-10 anniversarju mill-ftuħ tagħha. Huwa kellu l-opportunità jiltaqa’ mal-ħames residenti li jgħixu f’din id-dar, kif ukoll mal-impjegati. Ir-residenti tkellmu dwar kemm iħossuhom parti mill-komunità taż-Żurrieq u kemm jipparteċipaw fil-ħajja tal-istess komunità.

Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm l-Onor. Julia Farrugia, Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, is-Sindku taż-Żurrieq is-Sa Rita Grima, Mons. Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, kif ukoll il-Management tad-Dar.

Din id-dar kienet inawgurata fit-8 ta’ April 2016, minn Dr Justyne Caruana, dak iż-żmien Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anżjanità Attiva.

€4,300 miġbura f’wirja tal-karozzi b’risq id-Dar tal-Providenza

Is-somma sabiħa ta’ €4,300 inġabret waqt il-wirja annwali ta’ karozzi klassiċi u vintage organizzata mill-Old Motors Club b’risq id-Dar Tal-Providenza. L-avveniment, li sar fil-festa pubblika ta’ San Ġużepp, sar fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi u għalih attendew għadd kbir ta’ viżitaturi u dilettanti tal-karozzi.

Madwar 140 vettura klassika u vintage, li jkopru aktar minn seklu ta’ storja tal-karozzi, ġew esebiti mill-membri tal-klabb f’atmosfera sabiħa.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Mons. Martin Micallef, esprima l-apprezzament sinċier tiegħu, u rringrazzja lill-organizzaturi, il-parteċipanti u lill-pubbliku ġenerali għall-ġenerożità u l-appoġġ kontinwu tagħhom.

Il-Membru Parlamentari tal-Parlament Ewropew, Dott. Peter Agius żar l-attività, ltaqa’ mad-dilettanti u għamel id-donazzjoni tiegħu għall-istess kawża.

Il-klabb reġa’ kkonferma l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lid-Dar Tal-Providenza u inizjattivi oħra ta’ karità, filwaqt li jkompli jippromwovi l-wirt rikk tal-motoring f’Malta.

€5,000 mogħtija lid-Dar tal-Providenza minn GO Cares.

Il-GO Cares Employee Fund għamlet għotja ta’ €5,000 lid-Dar tal-Providenza. Din id-donazzjoni ta’ GO Cares saret possibbli minn għotjiet li jinġabru matul is-sena mill-kumitat li jamministra il-GO Cares Fund.

Impjegati ta’ GO volontarjament jagħmlu għotja li ta’ kull xahar toħroġ mis-salarju tagħhom. Barra minn hekk matul is-sena jsiru diversi attivitajiet oħra ta’ ġbir ta’ fondi.

Bis-saħħa t’hekk, GO Cares tkun tista’ tappoġġja finanzjarjament organizzazzjonijiet bħad-Dar tal-Providenza w entitajiet oħra li jibbenefikaw minn dan il-fond.

F’isem ir-residenti u l-amministrazzjoni tad-Dar, id-Direttur Mons. Martin Micallef irringrazzja lir-rappreżentanti tal-kumitat ta’ tmexxija ta’ GO Cares li ppreżentaw iċ-ċekk għas-solidarjetà altruista tagħhom.

€2,125 miġbura waqt il-Kunċert tal-Forzi Armati ta’ Malta f’għeluq is-60 anniversarju tad-Dar tal-Providenza

Is-somma ta’ €2,125 inġabret waqt il-Kunċert Vokali u Strumentali mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta f’għeluq is-60 anniversarju tad-Dar tal-Providenza li sar fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Novembru 2025.

Il-preżentazzjoni saret mill-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, l-Brigadier Clinton J. O’Neill lid-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Mons. Martin Micallef li rringrazzja lill-Brigadier għax sena wara l-oħra l-banda tal-Forzi Armati baqgħet tagħmel dan il-kunċert b’risq id-Dar marbut mal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità.

Għall-okkażjoni tas-60 anniversarju inkitbu żewġ siltiet mużikali li ndaqqu għall-ewwel darba: 60 Sena ta’ Storja: Id-Dar tal-Providenza tas-Surmast Nicholas Vella u Tama tas-Surmast Antoine Mercieca. Il-programm kien jinkludi wkoll xogħlijiet ta’ Johann Sebastian Bach, Richard Wagner, Frank Erickson, Lowell Mason, Morten Lauridsen, Peter A. Yon, Stephen Adams, Carl Coberg u tal-kompożitur Malti Tano Monseigneur.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Dr Alex Borg iżur id-Dar tal-Providenza

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Dr Alex Borg, akkumpanjat mis-sieħba tiegħu Sarah Bajada, żar id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Huwa kien milqugħ mid-Direttur tad-Dar, Mons. Martin Micallef flimkien ma’ membri tal-amministrazzjoni u residenti. Huwa attenda għal quddiesa li saret fil-kappella tad-Dar li għaliha kienu preżenti wkoll familjari tal-ex Prim Ministru u ex-President ta’ Malta Eddie Fenech Adami li sakemm saħħtu kienet tippermetti kien iħobb jiċċelebra għeluq sninu fid-Dar tas-Siġġiewi.

Wara, Dr Borg kellu l-opportunità jiltaqa’ mar-residenti b’mod individwali.

Huwa żar il-Mużew Dun Mikiel fejn id-Direttur tad-Dar spjegalu l-istorja ta’ ħajjet Dun Mikiel u t-twaqqif tad-Dar tal-Providenza u ħa ħin biex jiffirma l-ktieb tal-viżitaturi. Wara huwa sellem lil Dun Mikiel fuq il-qabar tiegħu li jinsab fil-bitħa ta’ Villa Papa Giovanni.

Dr Borg żar ukoll il-gym fejn iltaqa’ mal-president tas-Siġġiewi Rowing Club il-Professur Joseph Grima u ma’ membri tal-club u ma’ ħaddiema tad-Dar.

€1,556,453 miġbura fil-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza

Minkejja l-kesħa u ħalbiet tax-xita li laqtu lil-gżejjer tagħna, għall-poplu Malti u Għawdxi l-ewwel jum tas-sena kien għal darb’oħra wirja ta’ ġenerożità lejn id-Dar tal-Providenza, espressjoni ta’ solidarjetà, bil-ġabra ta’ €1,556,453 matul il-Festa ta’ Ġenerożità.

Fit-tmiem ta’ maratona televiżiva, Mons. Martin Micallef, Direttur tad-Dar, awgura li s-solidarjetà murija lejn id-Dar tal-Providenza fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida tibqa’ sejra matul din is-sena ma’ dawk kollha fis-soċjetà Maltija li għandhom ħtieġa ta’ appoġġ.

Reġà kien hemm l-irkant ta’ xogħlijiet tal-arti, pitturi, skulturi u ċeramika, mogħtija minn għadd ta’ artisti Maltin u barranin. Għal darb’oħra kollox, inkluż ix-xiri bl-irkant, sar online u l-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti laħaq is-somma ta’ €49,229.

L-Onor. Michael Falzon, Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, li rrappreżenta lill-Prim Ministru Dr Robert Abela, għamel għotja ta’ €25,000 f’isem il-Gvern Malti mill-Fond tal-Kawżi Ġusti.

Bħalma ilu jsir għal dawn l-aħħar snin, numru mdaqqas ta’ parroċċi f’Malta u Għawdex għamlu ġabriet speċjali f’lejlet u fl-ewwel tas-sena li ngħataw lid-Dar tal-Providenza f’isem il-komunitajiet parrokkjali. Il-parroċċi f’Għawdex ġabru kollettivament €41,560.

Bħas-soltu, il-Festa ta’ Ġenerożità xxandret minn taħt it-tinda li ttellgħet apposta fil-parkeġġ tas-Siġġiewi. Ix-xandir tal-maratona beda b’quddiesa  ċċelebrata mill-E.T. l-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar megħjun minn Monsinjur Martin Micallef, Vigarju Episkopali għad-Djakonija u d-Direttur tad-Dar tal-Providenza flimkien mal-Arċipriet tal-parroċċa tas-Siġġiewi, Dun Josef Mifsud. Fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni, Alexia Vella u Max Prasel Caruana għamlu s-solita prietka tradizzjonali tal-Milied bit-tħabbira tassew sabiħa tat-twelid ta’ Ġesù.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna appella biex fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida nuru barka lejn xulxin u nħarsu lejn xulxin b’kompassjoni u mħabba li huma tant neqsin fid-dinja tagħna tal-lum.

Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna jagħti bidu għall-Festa ta’ Ġenerożità 2026

Il-jum speċjali tal-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza marbut mal-jum speċjali tal-ewwel ta’ sena ġdida beda b’quddiesa fil-kappella tad-Dar fis-Siggiewi. Ikkonċelebra Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna megħjun minn Monsinjur Martin Micallef, Vigarju Episkopali għad-Djakonija u d-Direttur tad-Dar tal-Providenza flimkien mal-Arċipriet tal-parroċċa tas-Siġġiewi, Dun Josef Mifsud.

L-Arċisqof irrefera għall-ewwel qari meħud mill-Ktieb tan-Numri li jgħid li  l-Mulej iberikna u jħarisna, jixħet id-dija ta’ wiċċu fuqna u jurina l-ħniena u jħarisna bi mħabba filwaqt li jagħtina s-sliem u jberikna. Qal li dawn huma tliet valuri sbieħ li jixtieq joffri u jawgura lill-poplu għażiż tagħna, minn dan il-post qaddis u għażiż, mid-Dar tal-Providenza, aħna u nibdew sena ġdida, nibdew ukoll il-maratona ta’ solidarjetà b’risq din in-netwerk ta’ djar, fejn il-persuni ħutna jkunu jistgħu jgħixu kemm jista’ jkun b’awtonomija u jkollhom il-kura meħtieġa.

L-Arċisqof appella li f’dan l-ewwel jum tas-sena l-ġdida inkunu barka għal xulxin, aħna min aħna; li nħarsu lil xulxin bil-ħniena u l-imħabba f’dinja li  nieqsa minnhom.

Fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni, Alexia Vella u Max Prasel Caruana għamlu s-solita priedka tradizzjonali tal-Milied bit-tħabbira tassew sabiħa u mqanqla tat-twelid ta’ Ġesù.